B’referenza għall-allegat involviment ta’ żewġ membri tal-Forzi Armati fl-omiċidju ta’ Lassana Cisse Souleymane u akkużi oħra, il-FAM fi stqarrija wriet is-sogħba u d-dieqa tagħha għal tali aġir. Il-FAM kkundannat bla riservi kwalsijasi aġir diskiminatorju inkluż dak fuq bażi razzjali jew etnika. Dan l-aġir huwa partikolarment ikkundannat aktar u aktar meta jkun attribbwit lejn membri tal-Forza. Il-FAM ħadet l-okkażjoni sabiex testendi l-kondoljanzi tagħha lill-familjari tal-vittma, kif ukoll il-komunità kollha tal-immigranti f’Malta.
Fi stqarrija qalet li din l-okkorrenza hija xokkanti għall-Forza, iktar u iktar meta wieħed iqis is-sagrifiċċji, l-impenn u d-dedikazzjoni tal-membri tagħha li jaħdmu qatigħ lejl u nhar sabiex isalvaw dawn il-ħajjiet, u mhux itemmuhom. Dan isir bla ebda distinzjoni lejn nazzjonalità, kulur u sess. Dan is-sens ta’ xokk huwa evidentissimu fil-membri l-oħra kollha tal-Forza li, apparti s-sogħba tagħhom għal tali telf ta’ ħajja, qed jaraw ukoll il-ħidma sfieqa tagħhom tiġi b’xi mod imtappna minn dan l-aġir kundannabli. Ċertament dan ma jirriflettix it-twemmin u l-valuri tal-membri tal-Forza.
Il-FAM xtaqet tagħmilha ċara li ż-żewġ individwi akkużati b’dan l-aġir, li ġew sospiżi immedjatament malli tressqu l-Qorti, daħlu fil-Forza b’fedina penali nadifa. Huma daħlu fl-istess ingaġġ madwar sena u nofs ilu u kienu jaħdmu f’sezzjonijiet separati, u bl-ebda konnessjoni ma’ xi xogħol relatat direttament mal-immigranti. Kemm ilhom fil-Forza ż-żewġ individwi kellhom ukoll rekord ta’ dixxiplina militari nadif.
Rigward il-każ li wieħed mill-akkużati kellu mal-Qorti, il-FAM spjegat li tali każ ġie deċiż wara li kien ilu ftit żmien fil-Forza, u li seħħ qabel l-ingaġġ tiegħu. Il-każ ma kienx meqjus wieħed gravi li jimmerita tkeċċija u filfatt is-sentenza mogħtija mill-Qorti fil-konfront tiegħu kienet waħda ta’ libertà kkundizzjonata, anke wara li ġie kkunsidrat li kien għadu minuri. Il-FAM rrimarkat illi hi, bħala organizzazzjoni, tieħu ħsieb offiżi militari u mhux kriminali. Għal offiżi kriminali, il-FAM tħalli f’idejn l-awtoritajiet kompetenti, fosthom il-Pulizija ta’ Malta u l-Qrati Maltin, biex membri tagħha jiġu proċessati bħal kwalunkwe ċittadin Malti ieħor.
Il-FAM qalet li hi tosserva u tirrispetta’ il-preżunzjoni tal-innoċenza meta każ ikun għadu pendenti. Dan id-dritt huwa wieħed sagrosant u jappartjeni lil kull individwu. F’każijiet li jitqiesu ta’ natura serja, il-FAM taħtar immedjatament Bord ta’ Uffiċjali li jagħtu r-rakkommandazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ kif għandu jitħaddem l-individwu u x’restrizzjonijiet għandu jkun hemm fuq l-impjieg tiegħu. Jiġi aċċertat ukoll li tali individwu ikun qed jaħdem taħt sorveljanza diretta. Meta każ imbagħad jiġi deċiż mill-Qorti, il-FAM tevalwa sew l-offiża u s-sentenza mogħtija kif ukoll il-kondotta tal-individwu fuq il-post tax-xogħol, u abbażi ta’ dan tikkunsidraż-żamma tiegħu jew le fis-servizz. Dan anke fl-isfont tal-prinċipju ta’ riforma u riabilitazzjoni li l-FAM tħaddan. F’każ li l-individwu jinżamm, ikun imwissi sabiex ma jagħmilx reati oħra, u jaf ikun hemm riperkussjonijiet u implikazzjonijiet fuq is-servizz tiegħu. Din hija l-pożizzjoni li ilha tiġi adottata fil-Forza għal diversi snin u li hija applikabbli għal kull membru tal-Forza.
F’dan il-każ partikolari u tenut skond il-gravità u s-severità tiegħu, l-FAM iddevjat mill-prassi hawn fuq imsemmija bis-segwenti miżuri. Wara li ġie notifikat bl-arrest u t-tressiq il-Qorti tal-akkużati inkwistjoni, il-Kmandant tal-FAM ħa passi immedjati sabiex jikseb ordni tal-E.T. Il-President tar-Repubblika ta’ Malta, tramite il-Ministru responsabbli għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, liema ordni tissospendi lill-akkużati mis-servizz b’effett immedjat. Dan sar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta. Kontemporanjament, il-Kmandant tal-FAM ħa wkoll il-passi kollha neċessarji biex iniedi inkjesta interna li, fost affarijiet oħra, hija inkarigata wkoll li taċċerta jekk dan kienx akkadut iżolat minn żewġ individwi jew jekk hemmx gruppi oħra jew tħassib ta’ natur ksenofobika fl-FAM. Il-Bord inkarigat b’din l-inkjesta huwa kompost minn uffiċjali għolja fi ħdan il-FAM u li għandhom il-kompetenza wkoll li jagħmlu rakkomandazzjonijiet addizzjonali skont dak li jirriżulta matul l-inkjesta tagħhom.
Rigward xi allegazzjonijiet oħra li saru minn ċertu mezzi tax-xandir fuq trattament diskriminatorju bejn membru u ieħor fil-Forza il-FAM għamlitha ċara li dan mhux il-każ u li pero mhux ser tidħol fil-mertu ta’ każijiet li għadhom pendenti quddiem il-Qorti, anke għax mhijiex libera li tagħti informazzjoni li tista’ titqies fl-ambitu tal-protezzjoni tad-data.