Ġie ffirmat ftehim importanti bejn l-Awtorità Maltija għal-logħob u l-Korp tal-Pulizija bil-għan li jindirizza u jżid il-ġlieda tal-kriminalità fis-settur tal-gaming. Il-Kap Eżekuttiv tal-MGA, Heathcliff Farrugia fisser kif dan l-MOU se jkun qiegħed partikolarment iwassal għal aktar taħriġ lill-ħaddiema tal-MGA f’dan ir-rigward.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar fisser kif in-natura tal-kriminalità nbidlet drastikamement fl-aħħar snin kawża ta’ innovazzjonijiet fit-teknoloġija. Stqarr kif minkejja li l-ekonomija qed tikber b’rata mgħaġġla, il-kriminalità s-sena li għaddiet naqset b’7% li huwa l-akbar tnaqqis mill-2009 l’hawn.
Tenna li dan l-MOU huwa fuq kollox turija ċara li l-prevenzjoni tal-kriminalità hija prijorità. Min-naħa tagħhom s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u l-Ministru Michael Farrugia esprimew sodisfazzjon għall-iffirmar ta’ dan l-MOU tax-xorta tiegħu.