Fl-elezzjonijiet Ewropej nuru li aħna poplu ħanin li rridu pajjiż aħjar, Ewropa aħjar – Alfred Sant – One News

Notifiki

Fl-elezzjonijiet Ewropej nuru li aħna poplu ħanin li rridu pajjiż aħjar, Ewropa aħjar – Alfred Sant

Fl-elezzjonijiet Ewropej irridu nagħtu sinjal ċar li rridu lil pajjiżna jitmexxa bil-valuri tal-ħelsien, tas-solidarjetà, tal-ġustizzja soċjali, tal-ugwaljanza, li ħadd mhu għar-rimi. Irridu nuru li aħna poplu ħanin li għandna l-ħeġġa li naħdmu biex nagħmlu pajjiż aħjar, Ewropa aħjar, dinja aħjar.
Dan qalu Alfred Sant f’laqgħa politika fil-Montekristo Estate li għaliha attendew mijiet ta’ nies.
Alfred Sant qal li rridu naħdmu favur iż-żgħir, favur il-pensjonanti, favur is-self-employed, favur dawk li jridu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja u tal-kirjiet f’Malta u fl-Ewropa.

“Min jista’ jiggarantixxi dawn il-valuri? Adrian Delia jew Joseph Muscat? Il-Partit Nazzjonalista jew il-Partit Laburista? Min għandu l-ħeġġa li jsewwi dak li hu ħażin u t-tajjeb jagħmlu aħjar?” staqsa Alfred Sant.

Il-poplu Malti u Għawdxi jrid jagħti sinjal ċar fl-elezzjonijiet Ewropej li jrid soċjetà li tħenn għaż-żgħir, soċjetà li tieħu ħsieb il-ħaddiema, lill-bdiewa, lis-sajjieda, lil dawk kollha li jaħdmu għal rashom, lil dawk li jiddependu mill-protezzjoni soċjali.

Alfred Sant qal li fil-ħames snin li ġejjin il-membri eletti f’isem il-Partit Laburista għandhom jaħdmu fi ħdan il-Grupp tas-Soċjal Demokratiċi biex nibnu Ewropa soċjali.

“Din hija l-viżjoni tal-Partit Laburista. Hija viżjoni li tagħmilna kburin li ngħinu lil min jeħtieġ l-għajnuna mhux biss f’Malta iżda anke fl-Ewropa. Jekk ningħata l-fiduċja tal-poplu fl-elezzjoni li ġejja, inwiegħed li nkun impenjat biex inwettaqha.” qal Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend