Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat irid jerfa r-responsabilita politika, b’rabta mal-qtil ta’ persuna barranija Lassana Souleymane.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Beppe Fenech Adami kompla jippolitiċiza dan il-kaz u jwaħħal fil-Prim Ministru Joseph Muscat.
Beppe Fenech Adami fetaħ attakk fuq il-pulizija, li f’wieħed u erbgħin jum irnexxielhom, wara investigazzjonijiet serji, jaslu għal zewġ suspettati bil-qtil ta’ Souleymane.
Attakka wkoll l-Armata u s-suldati li għamlu xogħol impekabbli biex jipproteġu lill-pajjiż u jsalvaw l-immigranti.
Fenech Adami prova jkisser il-ħidma li jagħmlu mijiet ta’ ħaddiema b’dedikazzjoni f’dawn iż-żewġ istituzzjonijiet importanti.
Fis-stqarrija l-Partit Laburista qal li f’mument fejn il-poplu irid għaqda nazzjonali l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jagħżel li jipprova jifred.
Każ li ma jirriflettix dak li hu u jemmen il-poplu Malti, il-Partit Nazzjonalista qed jużah biex ikompli l-attakk tiegħu fuq l-istituzzjonijiet bħal pulizija u l-armata.
Anke jekk Beppe Fenech Adami u l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu jagħżlu l-messaġġ tal-firda u l-messaġġ kontra pajjiżna, il-Partit Laburista jibqa’ jibgħat messaġġ favur l-għaqda.
Il-Partit Laburista qal li fuq kollox il-Maltin u l-Għawdxin jafu li pajjiżhom mhux il-pajjiż li jipprova jpinġi l-Partit Nazzjonalista.