Il-Partit Laburista ngħata aktar minn sitt mitt elf ewro f’donazzjonijiet waqt il-maratona ġbir ta’ fondi ta’ ġurnata organizzata tul il-jum tal-Ħadd. Dan ftit jiem qabel żewġ elezzjonijiet importanti għall-Partit Laburista.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li kien frott il-ħidma ta’ mijiet ta’ volontiera li ilhom ġimgħat iħabbtu bieb bieb fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż, u grazzi għal eluf oħra li ċemplu lill-Partit biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom lill-Partit.
Id-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista, Chris Fearne u Chris Cardona, flimkien mal-Kap Eżekuttiv Randolph De Battista irringrazzjawlil dawk kollha li kkontribwixxew f’din il-maratona fi żmien diffiċli minħabba l-impenji li jġibu magħhom l-elezzjonijiet biex b’hekk, finanzjarjament, il-Partit Laburista seta’ jkollu riżorsi biżżejjed għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.