B’investiment ta’ €10miljun gġjjin mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, iċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ se jiġu rriġenerati u rinovati.
Ħabbru dan il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt l-iffirmar tal-ftehim quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira – wieħed miċ-Ċentri tas-Saħħa l-iktar fil-bżonn ta’ ħajja ġdida.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat innota kif il-qasam tas-saħħa huwa ċentrali għall-kwalità tal-ħajja tagħna. Settur li dan il-Gvern ħadem fuqu sa mill-bidu nett biex jinqatgħu l-listi ta’ stennija, il-mediċini out stock, u l-pazjenti fil-kurituri.
Għaldaqstant innota li dan l-investiment ta’ fondi ġejjin mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment se jkompli jtejjeb dan is-servizz, din id-darba bit-titjib infrastrutturali.
Fl-istess waqt wera l-apprezzament tiegħu għall-ħaddiema kollha u l-professjonisti mediċi li joffru fost l-aqwa servizzi tas-saħħa, u li issa se jkollhom postijiet tax-xogħol ta’ livell ogħla.
Innota li din il-ħidma tingħaqad mal-investiment tal-Gvern biex isiru żewġ ċentri reġjonali – wieħed fin-naħa ta’ fuq u l-ieħor fin-naħa t’isfel tal-pajjiż; kif ukoll ma’ ħidma oħra, inkluż permezz tas-sħubija ma’ Steward Health Care.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta ħarsa lura lejn tliet persuni li jqis importanti għas-saħħa f’pajjiżna: Ċensu Moran, Pawlu Boffa u Ċensu Tabone, li spjega, huma parzjalment responsabbli għas-servizz tas-saħħa tajjeb li għandna, u li dan il-Gvern qed jaħdem biex itejjeb.
Spjega li ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira waħdu jeħtieġ investiment ta’ €1.5 miljun, biex tinġieb għal-livell mixtieq, u dan jista’ jsir grazzi għall-fondi ġejjin mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.