Żagħżugħ ta’ 26 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-vettura u baqa’ dieħel f’siġra fil-Marsa.
Il-każ seħħ dalgħodu għall-08:40 fi Triq Dicembru Tlettax, il-Marsa.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar, irriżulta li raġel ta’ 26 sena residenti l-Pieta’ tilef il-kontroll tal-vettura li kien qiegħed isuq, tat-tip Mazda B2500, u baqa’ dieħel f’siġra.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza sabiex jassistu lill-vittma. Huwa ttieħed minnufih l-Isptar Mater Dei fejn ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. J. Demicoli LL.D. li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.