Wara assenza ta’ għaxar snin, il-kumpanija Taljana Onorato Armatori ser terġa’ tibda topera minn pajjiżna. Din il-kumpanija toffri servizz ta’ ġarr ta’ passiġġieri, trailers kif ukoll merkanzija mill-Italja għal Genoa, Sardenja, Korsika, Sqallija, l-arċipelagu tat-Toskana u l-gżejjer Tramiti.
Issa li l-kumpanija ser tibda toffri s-servizz f’Malta, dan huwa punt kruċjali ħafna fil-qasam marittimu ta’ pajjiżna għaliex b’hekk ikun hemm aktar konnettività ma’ pajjiżi Ewropej speċjalment ma’ Franza u l-Ġermanja.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan is-servizz, il-Ministri Ian Borg, Chris Fearne u anke Konrad Mizzi għamlu żjara fuq il-bastiment Maria Grazia Onorato. Dan il-vapur jopera b’tali mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent.
It-tlett Ministri saħqu dwar l-importanza li jġib miegħu is-settur marittimu li f’Malta huwa b’saħħtu immens. Intant il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi semma kif fix-xhur li ġejjin ser isiru xogħlijiet fix-Xatt ta’ Pinto u anke f’Lascaris. Min-naħa l-oħra l-Ministru tat-Trasport Ian Borg saħaq kif Malta għadha s’issa bl-akbar ammont ta’ tunnellaġġ f’dan il-qasam. Min-naħa l-oħra, d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne faħħar il-fatt li dan il-bastiment jopera b’mod aktar nadif li ser iwassal sabiex ikollna arja aktar nadifa.