Infermier ta’ 36 sena mill-Pakistan, Aftab Prince, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bi stupru fuq mara. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih madankollu ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
L-Ispettur Joseph Busuttil spjega kif l-akkużat stupru għal kemm-il darba lill-vittma li wkoll hi mill-Pakistan. Min-naħa tagħha hi tkellmet ma’ psikjatra fuq il-każ. Spjega kif eventwalment kien il-psikjatra li qal lill-vittma biex tagħmel rapport mal-Pulizija.
Fil-Qorti ħareġ kif l-akkużat huwa miżżewweġ bit-tfal madanakollu kien jabbuża minn mara oħra. Kien għalhekk li d-difiża talbet biex ikun hemm divjet fuq isem l akkużat anke minħabba l-protezzjoni tat-tfal u l-vittma.
L-avukat difensur Shaznou Gaznavi appella lill-prosekuzzjoni biex qabel ma jressqu lil xi ħadd il-Qorti b’mod partikolari f’każi ta’ natura gravi bħal stupru għandhom jinvestigaw sew. Madanakollu l-Ispettur Joseph Busuttil sostna li qabel ma jsiru akkużi hekk wieħed għandu jsaqsi sew, qal kif l-informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet għaddiet minn idejn il-Pulizija għal għand il-kollega tal-avukat difensur.