Is-siġġu ta' Stellini joħloq inkwiet ġdid | One News

Notifiki

Is-siġġu ta’ Stellini joħloq inkwiet ġdid

Fil-Partit Nazzjonalista nibtet ġlieda ġdida. Dik ta’ min se jieħu post is-siġġu tad-deputat Għawdxi David Stellini.

Kollox jindika li wara l-elezzjoni tas-Sibt li ġej David Stellini se jibda jaħseb biex imur lura fi Brussell fejn kien jaħdem sa qabel l-2017.

Il-maltatoday irrapportat li Stellini telaq xogħol imħallas tajjeb biex ġie fil-Parlament Malti u issa l-ħsieb tiegħu hu li jmur lura. Ix-xewqa hi li jmur lura bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iżda jekk le jmur lura fejn kien.

Dan ikun ifisser li l-Partit Nazzjonalista jkollu jagħmel co-option għax Stellini sab postu fil-Parlament b’elezzjoni każwali.

Il-maltatoday irrapportat li hemm żewġ ħsibijiet dwar x’tip ta’ co option għandha ssir.

Dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia qed jgħidu li bid-dritt jidħol lura Jean Pierre Debono li meta Delia ma sab lil ħadd min iċedilu s-siġġu kien hu li rriżenja mill-Parlament biex il-Kap tal-Partit seta’ jsir Kap tal-Oppożizzjoni.

Iżda, dawk li ġejjin mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u Beppe Fenech Adami, qalu li l-għażla għandha ssir fl-interess tal-partit.

Huma jemmnu li l-interess tal-partit jitlob li tkun co opted Roberta Metsola. Dan bil-għan li skont huma jissaħħaħ il-grupp parlamentari. Iżda, iktar minn hekk tkun qed tissaħħaħ il-fazzjoni tagħhom.

Biex jintgħażel il-bniedem li jieħu s-siġġu trid issir diskussjoni fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista u hemm mistennija jqumu l-irwiefen kollha. Biex fil-Partit Nazzjonalista jafu li din se tkun kwistjoni oħra li tqum wara s-Sibt li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend