“Iġbor dak il-vot u agħti risposta bih” – Josianne Cutajar – One News

Notifiki

“Iġbor dak il-vot u agħti risposta bih” – Josianne Cutajar

Inqas minn ġimgħa mill-vot tal-25 ta’ Mejju, Dr Josianne Cutajar għamlet appell imqanqal lil dawk kollha li għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom.

Il-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament f’isem il-Partit Laburista ħeġġet lil min għadu indeċiż jekk jivvutax biex imur jiġbor il-vot, u s-Sibt li ġej jagħti risposta bih.

“Għandna ċ-ċans li niddeċiedu aħna l-futur tagħna, tal-familja tagħna u ta’ pajjiżna. Ma nħallu lil ħadd jagħżel għalina,” qalet Cutajar.

Hija saħqet li biex insewwu l-inġustizzji jeħtieġ li nivvutaw. Hawn semmiet l-inġustizzja li saret mal-pajjiż u mal-familji Maltin u Għawdxin bil-ħsara kbira li għamlu rappreżentanti Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew. Ħsara li fi kliemha setgħet irriskjat ix-xogħol ta’ eluf ta’ persuni.

Cutajar appellat ukoll lil min iħoss li minkejja s-suċċess li qed jagħmel il-pajjiż, hu għadu mhux sodisfatt biżżejjed, jew mhux ilaħħaq mal-isfidi li għandu quddiemu. Josianne Cutajar ħeġġet lil dawn biex ma jħallux il-weġgħa tagħhom ittelfilhom iċ-ċans li jagħżlu huma għalihom u għall-familja tagħhom.

“Minflok, agħti l-fiduċja tiegħek lil min sema’ dik il-weġgħa, min fehem, u min beda jaġixxi, u qed juri li jrid jaġixxi aktar f’ismek u f’isem il-familja tiegħek,” qalet Josianne Cutajar.

Fi kliem Cutajar dawn l-elezzjonijiet huma wirja ta’ demokrazija b’saħħitha. Filwaqt li pajjiżi oħra qed jingħalqu fihom infushom u jimtlew bil-biża’, b’kuraġġ kbir aħna komplejna nwessgħu d-demokrazija tagħna u għamilna spazju għal żgħażagħ ta’ sittax–il sena biex inkomplu nilqgħu ideat ġodda, qalet Cutajar.

Nhar is-Sibt, għaldaqstant, nagħtu risposta u nagħżlu lil min verament għandu lil pajjiżna f’qalbu, u jinteressah min-nies u mill-familji, u jaspira li jkompli jtejjeb il-ħajja tagħhom, temmet tgħid Cutajar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend