Fl-ewwel okkażjoni li kellu biex jitkellem dwar il-qtil ta’ persuna barranija, il-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia warrab il-prudenza u għażel li jipprova jippolitiċizza dan il-każ.
Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia pprova jwaħħal fil-Gvern dwar dan il-każ u qal li għandha tittieħed ir-responsabilità. Dan għax iż-żewġ persuni akkużati bil-qtil ta’ Lassana Souleymane huma suldati fl-Armata.
Minkejja ħafna spekulazzjonijiet u diskors fieragħ, il-Korp tal-Pulizija rnexxielu jsolvi dan il-każ f’wieħed u erbgħin jum. Tant li l-Pulizija xliet żewġ persuni bil-qtil ta’ persuna barranija.
Iżda l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, ingħaqad ma’ Adrian Delia u ppolitiċizza kemm felaħ dan il-każ billi qal li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna huma maħtufa.
Dak anke jekk il-Pulizija mhux biss solviet il-kaz imma ħadet passi kontra membri f’korp dixxiplinarju ieħor.
Casa attakka wkoll lill-Forzi Armati ta’ Malta tefa’ lill-membri kollha tal-Armata f’keffa waħda u qal li dawn mhux qegħdin jiddefendu s-sewwa.
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal fi stqarrija li inċident wieħed li hu kundannabli b’mod assolut ma jiddefenixxix lill-pajjiżna , jew lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Qal li dan l-inċident juri kemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna, li tant ġew attakkati bi kliem dispreġġativ u b’nuqqas ta’ rispett minn Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista huma serji u effiċjenti, tant li tressqu żewġ suldati l-Qorti akkużati b’dan il-qtil.
Sostna li fil-mument tal-prova, in-nies iridu l-kuraġġ, mhux il-firda u l-qtigħ ta’ qalb.