Lorin Scicluna ta’ 22 sena minn Raħal Ġdid u Francesco Fenech ta’ 21 minn Marsaskala nżammew arrestati wara li tressqu l-Qorti b’uġenza akkużati li qatlu immigrant f’Ħal Far u ferew tnejn oħra. Il każ seħħ fil-lejl tas-6 ta’ April li għadda fejn dakinhar nqatel Lassana Souleymane ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Ivorju u ġew feruti żewġ immigranti oħra fi triq tal-Ġebel f’Ħal Far.
L-Ispetturi Keith Arnaud u trevor Micallef xlew lill-akkużati fil-Qorti bil-qtil ta’ persuna, liema akkuża ġġorr sa għomor ħabs, bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ persuni oħra, li sparaw arma f’post abitat u pubbliku, li ma kellhomx il-liċenzja tal-Pulizija, u kif ukoll li fl-1 ta’ Frar ta’ din is =-sena poġġew il-ħajja ta’ persuna oħra fil-periklu u ferewha gravi. Fil-Qorti ntqal kif huma allegatament għamlu hekk minħabba mibegħda razzjali u li biex għamlu dan użaw karozza mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni.
Il-Pulizija xliet ukoll lill-akkużati li qatlu annimali oħra meta mhux suppost għamlu dan, u li f’okkażjoni oħra huma sparaw f’post abitat. Ġew mixlija wkoll li bħala uffiċjali pubbliċi huma kellhom jipprevjenu dan id-delitt milli jseħħ, irriżulta wkoll li wieħed mill-akkużati kiser il-libertà proviżorja mogħtija minn Qorti oħra.
L Ispettur Keith Arnaud mill-iskwadra tal-omiċidji spjega li ż-żewġ żgħażagħ ġew arrestati wara żviluppi li saru fil-kors tal-investigazzjonijiet b’rabta mal-omiċidju. Arnaud spjega li ż-żewġ persuni rriżulta li kienu fuq ix-xena tar-reat fil-lejl tas-6 ta’ April u li allegatament sparaw it-tiri fejn qatlu persuna u ferew tnejn oħra.
Irriżulta wkoll li kienu l-istess persuni li ġimgħat qabel tajru persuna fl-istess triq. Qal ukoll li wieħed minhom ġie arrestat il-ġimgħa u l-ieħor is-Sibt filgħodu.
Fil-Qorti pjuttost kalmi, wieħed minnhom liebes libsa u ieħor tracksuit, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom filwaqt li t-tnejn wieġbu li jaħdmu bħala suldati.
Għall-akkużati dehru l-avukati Kris Busietta, Julian Farrugia u Gianella de Marco.