Ċikku Briku | One News

Notifiki

Ċikku Briku

Fuq fb tiegħi tkellimt fuq il-liġijiet dwar l-abort,  u għedt li huwa l-Parlament Malti biss li jista’ jibdel il-liġijiet bħal dawn. U naturalment li l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew ma għandha x’taqsam xejn ma’ tibdil bħal dan.

Weġibni wieħed Joseph Ghigo u għamel paragrafu sħiħ li jekk ikun hemm aktar siġġijiet għas-soċjalisti,  jitla’  Frans Timmermans li jrid jagħmel l-abort bħala dritt tal-mara.  Dan kien qed jidwi dak li qal Adrian Delia,  u jitqanżħu ħalli jġibu lil min jemmnu.  Storja antika din!  Meta l-Partit Nazzjonalista jkun qed jegħreq ifittex il-salvawomo tal-biża’ msejsa fuq ir-reliġjon.

Jaf illi f’pajjiżna ma hawnx maġġoranza li trid tibdil fil-liġi tal-abort,  u allura jipprova jkanta fuq il-valuri.

Imma hawn għandna l-qerq.  Naraw kif jitla’ l-President tal-Kummissjoni Ewropea.  Ħarġu sitta,  skond il-gruppi li hemm.  Soċjalisti, Partit Popolari (li saru jistħu li jgħidulhom demokristjani) Liberali,  u tista’ tkompli.   Issa ssir l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.  Umbagħad wara jagħżlu lill-President il-ġdid flok Junker.   Taħsbu li jagħżluh il-membri tal-Parlament li jitilgħu nhar is-Sibt li ġej?  It-tweġiba hija “Le! “

Mela skond it-Trattat tal-Unjoni,  huwa l-Kunsill li jagħżel il-kandidat.  Il-kunsill huwa magħmul mill-Prim Ministri jew Presidenti.  Dawn jaraw il-bilanċ li jkun hemm fil-Parlament Ewropew,  u jagħżlu wieħed mill-kandidati. Ħafna drabi jirranġaw bejniethom biex ikun hemm ftit tibdil skond il-pajjiżi u l-partiti,  halli mhux kollox imur naħa waħda.    Wara li l-Kunsill jagħżel il-kandidat,  il-Kunsill tal-Prim Ministru jibgħat l-isem quddiem il-Parlament li jkollu dritt biss jirriġettah.  Imma ma jkollux dritt jagħti isem ieħor minflok dak suġġerit mill-Kunsill.

Fix-xenarju bħal dan ikun hemm ħafna trattativi wara l-kwinti,  u jispiċċaw li s-soċjalisti u l-popolari jiftehmu bejniethom.  Hekk jistgħu jassikuraw maġġoranza.

Jien inbassar li bħala partit soċjalista demokratiku aħna biss nibqgħu b’saħħitna,  għax l-oħrajn marru għal daharhom  Sa ċertu punt anke l-popolari,  u kibru dawk li huma tal-lemin estrem.  U għalhekk aktar ikun hemm bżonn li bħal ma ġara fil-Ġermanja,  il-popolari u s-soċjalisti jiftehmu bejniethom.  Biżżejjed wieħed jara x’ġara mid-demokratiċi fl-Italja u mis-soċjalisti fi Franza.

Mela f’dan ix-xenarju,  min jivvota soċjalista u min jivvota popolari hemm l-akbar ċans li jiftehmu fi Brussels bejniethom ,  u jagħżlu huma,  u bl-istess mod jgħadduh mill-Parlament.

L-argument ta’ Adrian Delia jiġi ċikku briku.  U trid tifhmu li l-Parlament Ewropew m’għandu l-ebda saħħa li jressaq liġi.

Fejn hu Simon Busuttil ħalli lil Adrian jghidu li qed jgħid iċ-ċuċati ?

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend