“In-nies jafdaw fina biex nidentifikaw u nsolvu l-isfidi ġodda” – JM – One News

Notifiki

“In-nies jafdaw fina biex nidentifikaw u nsolvu l-isfidi ġodda” – JM

Waqt il-programm ‘Sibt il-Punt’ fuq One Radio ma’ Manuel Micallef, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qed idur il-lokalitajiet kollha biex jitkellem man-nies dwar il-kisbiet li għamel il-Gvern u l-isfidi ġodda li jridu jiġu ndirizzati.

“In-nies jafu illi hawn problemi ġodda f’dan il-pajjiż li qed jinħolqu sforz il-ġid, sforz is-soċjetá li qed issir aktar affluwenti u sforz il-prijoritajiet li qed jinbidlu, imma tafda lilna li nsolvuhom dawn il-problemi, ma tafdax lil ħaddieħor.”  Stqarr il-Mexxej Laburista.

Stqarr li s-soċjetà li irid jghix fiha hija waħda li mhux li taċċetta l-affarijiet iżda li tisfida l-affarijiet bl-argumenti, kif fil-fatt qed isir bl-introduzzjoni tal-vot 16.

Dwar it-traffiku, il-Prim Ministru ġab eżempju bit-triq taċ-Ċawsli bħala waħda mit-toroq li kellha tinbena mill-ġdid minħabba li hija mibnijja fuq il-barrieri u għalhekk kellu jsirilha l-appoġġ kollu minn taħt.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-mibgħeda u l-firda fil-politika, żewġ elementi negattivi li jistgħu jħallu kisbiet politiċi fil-qasir, iżda eventwalment jaf jaħdmu kontrik.  Qal li huwa ħażin li wieħed jipprova jdaħħal feles bejn il-poplu, anke meta din il-firda tinżera bejn il-Maltin u l-barranin.

Kompla, “Aħna bħala pajjiż irridu naħdmu lkoll flimkien, irridu ngħixu lkoll flimkien, kemm bħala Maltin kif ukoll dawk li jgħixu f’pajjiżna, kulħadd jirrispetta r-regoli, kulħadd jirrispetta l-liġi u aħna għalhekk qiegħdin, biex naraw li l-affarijiet jiġu rrispettati, li l-Maltin jiġu rrispettati, li l-barranin jiġu rrispettati, illi l-liġi tkun l-istess għal kulħadd.”

Meta mistoqsi dwar l-gidba politika Egrant, il-Prim Ministru stqarr li n-nies għandha toħroġ ir-rabja tagħha għal din il-kalunja b’ vot nhar is-Sibt li ġej.

Stqarr li biex il-Partit Laburista jikseb siġġu ieħor fil-Parlament Ewropew, wieħed irid jivvota lill-erbatax –il kandidat hekk kif is-siġġijiet jiġu deċiżi bl-aħħar count.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend