Att li ma jirrappreżentax is-sentimenti tal-poplu – Il-President George Vella | One News

Notifiki

Att li ma jirrappreżentax is-sentimenti tal-poplu – Il-President George Vella

Il-Presdent ta’ Malta George Vella qal li l-omiċidju ta’ Lassana Souleymane ma jirrappreżentax is-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fi stqarrija maħruġa f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, il-President wassal lill-komunità ta’ migranti u barranin f’pajjiżna, is-sentimenti sinċieri ta’ dieqa għall-qtil kiesaħ u biered ta’ persuna minn fosthom.

Dr Vella wissa wkoll dwar il-perikli li jistgħu jwasslu għalihom il-kliem u l-espressjonijiet fiergħa ta’ natura razzista, xenofobika, u estremista. Qal li din il-lingwa ta’ mibegħda hija kundannabbli u m’għandha qatt issib postha fil-kultura Maltija.

B’dispjaċir nnota li l-persuni arrestati huma membri ta’ korp dixxiplinat u enfasizza li dan m’għandu bl-ebda mod jirrifletti fuq il-korpi dixxiplinati f’pajjiżna.

Il-President qal li okkażjoni bħal din għandha ġġegħiel lill-pajjiż jirrifletti bis-serjetà u fil-fond sabiex jinħoloq djalogu sinċier dwar il-ġejjien ta’ pajjiżna bħala komunità multietnika u tolleranti.

B’rabta ma’ din l-iżvolta, l-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda faħħret lill-Korp tal-Pulizija għax-xogħol li wettaq sabiex issolva dan il-każ u dak tal-hit and run f’Ottubru li għadda.

Ir-rappreżentant tal-UNHCR Kahin Ismail qalet li laqgħet il-kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Ministru tal-Intern Michael Farrugia li f’pajjiżna m’hawnx post għall-xenofobija u laqgħu l-impenn tal-Gvern kontra r-razziżmu.

L-aġenzija fakkret ukoll li l-Forzi Armati jagħmlu xogħol kbir fil-qasam tal-immigrazzjoni u qalet li s-suldati Maltin salvaw eluf ta’ immigranti minn fuq il-baħar.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend