AĠĠORNAT: Żewġ suldati arrestati b'rabta mal-omiċidju tal-immigrant | One News

Notifiki

AĠĠORNAT: Żewġ suldati arrestati b’rabta mal-omiċidju tal-immigrant

Żvolta fl-investigazzjonijiet tal-puliiza dwar il-qtil kiesaħ u biered tal-immigrant Lassana Souleymane li fl-għodwa tas-sebgħa ta’ April li għadda nqatel b’tir f’rasu fi Triq il-Ġebel, f’Ħal Far.

Fl-aħħar sigħat il-Pulzija arrestat żewġ suldati żgħażagħ, Francesco Fenech miż-Żejtun u Lorin Scicluna minn Raħal Ġdid  li allegatament kienu l-moħħ wara dan l-ewwel omiċidju f’pajjiżna b’motivazzjoni razzjali.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kkonfermaw li l-Pulzija wasslet għas-suspettati wara li elevat xi filmati minn cameras tas-sigurtà li qabdu karozza tal-għamla Toyota Starlet li allegatament intużat mill-aggressuri. F’dan l-istadju l-Pulizija kkonfermat li l-karozza u l-arma li ntużaw f’dan id-delitt instabu u jinsabu t-tnejn miżmuma mill-Pulizija.

Lassana kien instab mejjet f’nofs ta’ triq wara li l-Pulizija ġiet mgħarrfa li nstemgħu xi tiri fi Triq il-Ġebel u li kien hemm persuna midruba mal-art.

Madankollu, malli waslu fuq il-post il-Pulizija sabu tliet persuni barranin midruba f’distanza ‘l bogħod minn xulxin fosthom Lassana li ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post, immigrant mill-Gambia ta’ 28 sena u ieħor mill-Guinea ta’27 sena.

Dan wassal lill-investigaturi għall-ipotesi li dan l-attakk seta’ seħħ minn persuna li spara tiri waqt li kien riekeb f’karozza misjuqa minn persuna oħra.

Id-dinamika ta’ kif seħħ il-każ wassal lill-investigaturi wkoll biex jikkonkludu li l-qtil seħħ minħabba mibegħda razzjali.

Ipotesi li kienet ikkonfermata l-Ġimgħa filgħaxija meta wieħed mis-suspettati allegatment ammetta mal-Pulizija li wettaq dan ir-reat għax ma jiflaħx jara quddiemu persuni ta’ karnaġġjon skur.

Jidher li dan kixef ukoll lil sieħbu li allegatament spara t-tiri mit-tieqa tal-karozza waqt li kien riekeb fuq is-seat tal-passiġġier. Sorsi qrib l-investigazzjoni qalulna wkoll li dan ammetta li kien involut ukoll f’hit and run fuq immigrant ta’ 17-il sena li kien seħħ fl-istess triq xahar qabel il-qtil.

B’reazzjoni l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li l-investigazzjonijiet ilhom għaddejjin b’mod intensiv sa mill-ewwel jum tal-omiċidju. Qal li dan is-suċċess wasal bis-saħħa ta’ kordinazzjoni li qiegħda dejjem tikber bejn it-taqsimiet differenti tal-Korp. Qal li din il-koperazzjoni qed twassal lil Malta sabiex ikun pajjiż aktar sikur.

B’reazzjoni għal dan l-arrest numru ta’ għaqdiet mhux governattiv faħħru x-xogħol tal-Pulizija li fi ftit aktar minn xahar solvew dan il-qtil makabru.

Qalu li għemil bħal dan mhux aċċettat f’pajjiżna hekk kif il-mibegħda tittradixxi lil kulħadd inkluż lil dawk li jwettqu attakki kodardi bħal dan.

FL-AĦĦAR ĦIN: Tnejn arrestati u ieħor imfittex b’rabta mal-qtil tal-immigrant f’Ħal Far

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend