Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda għal sena oħra l-Animal Welfare Fund, fond li welled dan il-Gvern u li kompla jibni fuqu matul din il-leġiżlatura. Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal li sa mis-sena l-oħra l-fond allokat żdied minn €65,000 għal €85,000 u dan għaliex il-Gvern fehem li l-bżonnijiet dejjem jikbru. Is-Segretaju Parlamentari stqarr li mill-fond tas-sena l-oħra kienu 13-il għaqda li ħadu s-somma li qabżet it-€80,000 u dan f’materjali u servizzi li kienu ta’ għajnuna biex dawn l-istess għaqdiet isostnu x-xogħol tagħhom.
Fost dawn il-materjali u s-servizzi li tajna hemm ikel, vann ġdid lill-GOZO SPCA, fondi għal neutering, strutturi, mediċini, anka sostenn biex tinfetaħ klinika. Dan il-fond japplika għal dawk l-għaqdiet li huma rreġistrati bħala organizzazzjonijiet volontarji mal-kummissarju tal-volontarjat u dan isir biex naċċertaw it-trasparenza u l-governanza.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri fakkar li dan mhux l-uniku fond u għajnuna li jagħti s-Segretarjat għad-Drittijiet tal-Annimali. Hu spjega li “noffru għajnuniet biex inżidu l-addozzjonijiet, nagħtu għajnuna oħra biex l-annimali jingħataw kura speċjalizzata fl-isptar APH.” Huwa semma wkoll li ftit tal-ġranet ilu, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, ħabbar fond ieħor b’valur ta’ €120,000 biex ninvestu fit-trattament xieraq tal-annimali anka fil-komunitajiet. Dan filwaqt li llum ħabbar li din l-iskema issa hija miftuħa u l-Kunsilli Lokali jistgħu jibdew japplikaw biex jibdew jagħtu servizzi bħal dog parks, neutering campaigns, cat cafe, u ideat oħra li jista’ jkollom relatati ma’ dan is-suġġett.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri qal li kien ta’ pjaċir għalih li l-Ħadd li għadda ġie mniedi proġett b’inizjattiva tas-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar fejn żona li għal żmien twil kienet mitluqa, illum saret żona fejn l-annimali jistgħu jkollhom spazju fejn jagħmlu eżerċizzju.
Hu qal li bl-inizjattivi li ħa dan il-Gvern tul din il-leġiżlatura u ta’ qabel, f’dan il-qasam għamilna passi kbar ’il quddiem filwaqt li fakkar kif kien dan il-Gvern li mill-bidu nett wera li dan is-settur se jingħata l-importanza mistħoqqa billi illeġiżla kontra ċ-ċirkli f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri elenka kif kien dan il-Gvern li żied l-għajnuniet b’mod dirett lil dawn l-NGOs, li kien dan il-Gvern li permezz tal-fond il-ġdid se jkun qed jiġi trattat il-ħarsien xieraq anka fil-komunitajiet u kien dan il-Gvern li għal darba darbtejn żied il-pieni għal min jaħqar l-annimali.
Is-Segretarju Paralmentari Camilleri temm jgħid li dan “għalina mhuwiex biżżejjed u determinati li nkomplu naħdmu mal-imsieħba kollha biex inkomplu nwettqu aktar proġetti u inizjattivi favur il-ħarsien tal-annimali.”