Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq il-Kappella ta’ Sant’Antnin ta’ Padova u Santa Katarina f’ Birkirkara. Ix-xogħlijiet saru mid-Direttorat tar-Restawr, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tal-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali.
“Dan kien proġett ieħor li jaqa’ taħt l-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, inizjattiva li għandha l-għan li tgħin lill-Kunsilli Lokali biex jirrestawraw monumenti u binjiet storiċi fil-lokalità tagħhom, għal ġid u l-gost tal-membri tal-komunità tagħna,”stqarr Bonnici. Il-Ministru Bonnici għamel referenza għal fatt li attwalment id-Direttorat tar-Restawr qiegħed jieħu ħsieb 71 proġett fl-istess waqt, biex inkomplu nsaħħu l-prodott lokali tagħna. “Ta’ min wieħed jiftakar ukoll li d-Direttorat diġà ħadem fuq 70% tal-lokalitajiet tagħna, dan sabiex inkomplu nsaħħu dak li jagħmilna Maltin,”kompla jgħid Bonnici.
Il-knisja nbniet fl-1828, però dokumenti storiċi jixhdu li fl-1575 kien hemm oħra eqdem li vaqgħet tintuża sa mill-anqas l-1659.
Minħabba l-pożizzjoni tagħha, ix-xogħlijiet ġew maqsuma f’fażijiet. L-ewwel fażi ffukat guq ir-restawr estensiv tal-kampnar. It-tikħil u t-tiswijiet bis-siment tneħħew u wieħed seta’ ara l-istat tal-ġebla biex jiddetermina x’intervent kien meħtieġ. Xi ftit mill-ġebel kien deterjorat sew u ġie mibdul. It-tieni fażi ħarset lejn il-faċċata u d-deokrazzjonijiet elaborati tal-portiku u fuq il-frontispizju. Dawn ġew imnaddfa sew u d-danni li saru matul iż-żmien ġew imsewwija. It-tielet u l-aħħar fażi kienet dwar ix-xogħlijiet tal-faċċata ta’ Triq il-Kbira, billi ġiet imneħħija z-zokklatura tas-siment li kienet ikkawżat bosta ħsara.