Ġie inawgurat masġar f’Pembroke biex ifakkar il-25 sena mit-twaqqif tal-Kunsill Lokali tal-imsemmija lokalità. Dan il-masġar li jinsab bejn tliet widien; Wied Harq Hamiem, Wied Mejxu u Wied Għomor sar b’investiment ta’ €30,000 ffinanzjat mill-fondi tal-Kunsill.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm l-istudenti tas-sitt sena primarja mill-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke fejn żergħu xtieli li jrewħu biex inaqsu mill-irwejjaħ li jġib miegħu il-volum tat-traffiku fi Triq Sant’Andrija.
Ma’ One News, is-Sindku tal-lokalità, Dean Hili, semma kif f’nofs dan il-masġar hawn passaġġ li ta’ kuljum jintuża minn mijiet ta’ persuni li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Dean Hili semma kif fil-ġimgħat li ġejjin il-Kunsill ser japplika għall-fondi mill-Gvern Ċentrali sabiex tiġi nstallata sistema ta’ tisqija mqabbda mal-ġiebja li hawn fl-akwata.