Fil-ġranet li ġejjin il-Gvern ser ikun qed jibda l-proċess sabiex bdiewa u raħħala li sofrew danni ta’ natura strutturali waqt il-maltempata qalila li seħħet fi Frar 2019 u rreġistraw mad-dipartiment tal-agrikoltura, jingħataw l-għajnuna relatata. Dan wara li l-maltempata ta’ Frar li għaddiet ikkawżat €25 miljun fi ħsarat.
Il-Gvern huwa kommess illi tinstab soluzzjoni ukoll għal danni li soffrew anka fuq prodotti agrikoli maħduma u għaldaqstant ser ikun qiegħed jikkunsidra għajnuna fuq il prodott maħdum. Dan qiegħed isir bla preċedent hekk kif din hija l-ewwel darba li l-Gvern ser ikun qiegħed jagħti għajnuna ta’ din ix-xorta wara li bdiewa u raħħala jkunu ġarrbu ħsarat f’maltempati ta’ natura simili. Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jkun ta’ għajnuna u ta’ appoġġ għall-bdiewa u r-raħħala b’mod dirett għaliex jagħraf l-impatt sinifikanti li joħolqu inċidenti marbuta ma’ elementi naturali straordinariji.
Fi Frar il-Gvern applika formalment għal fondi Ewropej biex jissewwew ħsarat mifruxa mal-pajjiż. Wara eżerċizzju li sar fejn inġabru l-ħsarat kollha, l-ammont laħaq il-€25 miljun. Sabiex pajjiż ikun eliġibbli biex jibbenifika mill-Fond Ewropew għas-Solidarjeta’ (EUSF), il-ħsarat iridu jilħqu mal-€62 miljun, ċifra li tirrifletti kundizzjoni essenzjali tal-istess fond marbuta ma’ 0.6% tal-Qliegh Nazzjonali Gross jew 1.5% tal-prodott gross domestiku. Fuq din l-informazzjoni, Malta mhix eliġibbli biex taċċessa dan il-fond.