Avion Express Malta saret is-36 linja tal-ajru li kisbet l-Air Operator Certificate (AOC) mid-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta. Il-linja tal-ajru Avion Express se tkun qed tibda topera b’ċertifikat Malti fil-jiem li ġejjin, bl-ewwel ajurplan tagħhom ikun dak tat-tip Airbus 320, reġistrazzjoni 9H-AMA. Dan ifisser, li issa Transport Malta għandha rreġistrati magħha 322 ajurplan.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Avion Express, is-Sur Darius Kajokas, sostna li l-kumpanija qed taħdem sabiex tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-industrija tal-avjazzjoni filwaqt li tespandi u tidħol fi swieq ġodda. “Id-deċiżjoni li jkollna kumpanija sussidjarja f’Malta kienet ibbażata fuq il-benefiċċji strateġiċi li jipprovdi l-pajjiż”, sostna s-Sur Kajokas. Il-kisba tal-AOC u l-Air Operator Licence (AOL) Maltin se jkunu qed jiftħu aktar opportunitajiet għal din il-linja tal-ajru.
Avion Express Malta hija kumpanija sussidjarja ta’ Avion Express, l-akbar operatur fid-dinja fejn jidħlu narrow-body ACMI. Il-bidu tal-kumpanija jmur lura għas-sena 2005 u llum Avion Express taħdem ma’ bosta klijenti milll-Ewropa, l-Afrika, l-Amerika t’ Isfel u l-Asja tal-Paċifiku. Fl-2019 din il-linja tal-ajru se tkun qed topera 22 ajruplan tat-tip Airbus A320. Din is-sena Avion Express rebħet l-unur ta’ ACMI operatur tas-sena 2019 fl-Air Transport Awards mill-International Business News.
Is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna qiegħed kull ma jmur jikber tant li huwa wieħed mill-aktar b’saħħtu u stabbli fi swieq internazzjonali. L-industrija llum għandha l-ogħla standards b’ aktar minn 3,200 impjegat, filwaqt li tikkontribwixxi lejn il-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna 2.5%
Kopja tal-AOC u l-AOL kienu preżentati lis-Sur George Lambriandis, Accountable Manager għall-Avion Express Malta mill-Kaptan Charles Pace, Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili.