Sit kbir fi Triq il-Punent fil-Belt se jigi rriġenerat f’ħamsa u għoxrin residenza għal koppji anzjani biex jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-turiżmu, Konrad Mizzi f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħata elenku tax-xogħlijiet li għaddejjin b’rabta mal-MasterPlan tal-Belt Valletta.
“Hawnhekk għandna numru ta’ housing units u għaldaqstant ħassejna li ridna nagħmluhom aktar aċċessibbli, xtaqna nikkreaw ukoll numru ta’ housing units ġodda f’binjiet antiki l-belt u anke assisted living għall-anzjani”
Dr Mizzi semma x-xogħol ta’ restawr li għaddej fuq is-swar u l-Knisja tal-Karmnu u Santu Wistin li saru aktar aċċessibbli.
Fisser kif ir-riġenerazzjoni soċjali tinkludi housing aktar aċċessibbli permezz tal-installazzjoni ta’ lifts u tisbiħ tal-faċċati.
Il-kap eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Gino Cauchi stqarr li f’inqas minn sena sar restawr ta’ madwar erbatax-il elf metru kwadru ta’ swar.
Fl-istess waqt qed tiġi rrestawrata l-Berġa tal-Bavierabix-xogħol mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sena.
Tkellem ukoll dwar iż-żona tal-blata li ġiet pavimentata biex titjib l-aċċessibblità.
Iċ-Chairman tal-GHRC Stefan Zrinzo Azzopardi qal li għaddej xogħol kbir fiż-żona ta’ Marsamxett biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ bosta resident fil-madwar li għal snin kienu minsija.
“Il-pjan ta’ riġenerazzjoni għan-naħa t’isfel tal-belt huwa magħmul minn kullana ta’ proġetti li jvarjaw minn restawr li huma lkoll maħsuba biex itejbu l-kwalita tal-ħajja tar-residenti għaliex din ir-riġenerazzjoni li qegħdin nagħmlu hawnhekk irridu narawha fl-isfond li din għamilnieha f’żona li fiha għandna numru sostanzjali ta’ residenti”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia qal li bħalissa għaddejjin mal-ħmistax inizjattiva b’nefqa ta’ erbgħa u għoxrin miljun ewro fondi Ewropej.
“Bħala gvern issa l-irwol tagħna hu li nagħmlu stimolu ekonomiku, finanzjarju lil din iz-zona tal-belt Valletta imma wkoll is-siti storiċi, wirt dinji li għandna fil-belt Valletta filfatt qegħdin naraw li dawn il-postijiet jingħataw lura lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin”
Ix-xoghol fin-naħa t’isfel tal-Belt mistenni jitlesta sa sentejn oħra.