Il-PM: "Il-Ġid noħolquh biex jasal għand min għandu bżonn" | One News

Notifiki

Il-PM: “Il-Ġid noħolquh biex jasal għand min għandu bżonn”

Disa’ t’ijiem biss il-bogħod mill-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew, f’attivitá politika taħt it-tinda f’Raħal il-Ġdid il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-ġid li qed jinħoloq, qiegħed hemm sabiex jasal għand min għandu bżonnu.

Quddiem folla b’mijiet ta’ nies li attendew bi ħġarhom għal din l-attivitá l-Prim Ministru tkellem dwar il-paga minima.

Irrefera għat-tibdil fil-liġi tal-paga minima għal ġid tal-familji Maltin u Għawdxin. Dan b’differenza għal gvernijiet preċedenti li f’25 sena l-minimum wage neħħilha s-saħħa tagħha u saħansitra ma għollijiex darba.

Dr. Muscat spjega kif kellu jkun Gvern Laburista li għall-ewwel darba wara 25 sena jżid il-paga minima.

Madankollu dan ma kienx biżżejjed hekk kif kien dan il-Gvern li għaraf l-importanza tal-paga minima u allura permezz tal-liġi l-ġdida rabat idejn kull Gvern li jiġi warajh, sabiex kull ħames snin jirrevediha.

“Ma nistgħux naffordjaw li dan il-pajjiż joqgħod jistenna Gvern Laburista biex iżid il-minimum wage allura rbatna lil kulħadd li jkun hawn min ikun hawn fil-Gvern kull ħames snin il-minimum wage trid tigi riveduta.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar it-tnaqqis tal-faqar b’żewġ terzi taħt Gvern Laburista madankollu saħaq li l-għan ta’ dan il-moviment huwa li l-Maltin u l-Għawdxin kollha jsiru sinjuri żgħar.

Intant, waqt id-diskors tiegħu l-Prim Ministru semma wkoll il-pensjonijiet. Spjega kif fl-2013, Gvern Laburista sab triq għat-telgħa f’dak kollu li kellu x’jaqsam mal-pensjonjiet għaliex Gvern Nazzjonalista għażel li jwarrabhom.

“Aħna bdejna t-triq biex naslu biex il-pensjoni terġa tkun mill-ġdid dik li permezz tagħha l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jgħixu sura ta’ nies.”

Filfatt, il-Prim Ministru saħaq li għalkemm taħt movement Laburista l-pensjonijiet żdiedu iktar minn darba, dawn ser jibqgħu jiżdiedu kull sena.

Madankollu biex il-poplu jibqa’ jgawdi minn dan il-ġid il-Prim Ministru saħaq li Malta għandha tibqa’ tiġbed l-investiment. Investiment li jista’ jasal biss permezz tal-għaqda. Għaqda li naqas li juri l-Partit Nazzjonalista hekk kif permezz tal-esponenti tiegħu ħadem sabiex jimmina u jħammeġ isem pajjiżna.

B’hekk Dr. Muscat tenna li l-poplu għaraf lil min verament jaħdem favur pajjiżu u b’hekk appella sabiex fil-25 ta’ Mejju kulħadd jivvota bi ħġaru għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend