Iffirmat ftehim li jgħin nisa fil-prostituzzjoni jintegraw lura fis-soċjetà | One News

Notifiki

Iffirmat ftehim li jgħin nisa fil-prostituzzjoni jintegraw lura fis-soċjetà

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u s-sorijiet li jmexxu Dar Hosea li tgħin persuni vulnerabbli li jkunu waqgħu vittmi tal-prostituzzjoni u li jkunu qed jiskontaw sentenza fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin.

Dan il-ftehim huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li se jħalli impatt pożittiv fuq dawk vulnerabbli, se jżid l-għajnuna lill-għaqda volontarja li tgħin lill-persuni biex joħorġu miċ-ċirku tal-prostituzzjoni u joffri servizzi professjonali b’xejn biex jgħinu lil vittmi jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Waqt il-konferenza stampa, il-Minsitru għall-Intern, Michael Farrugia qal kemm huwa importanti l-irwol tal-għaqdiet non governattivi biex servizzi bħall dan u oħrajn ikomplu jtejbu l-għixien tal-individwi. Huwa semma wkoll kif il-familjari, b’mod speċjali t-tfal ta’ dawn il-vittmi tal-prostituzzjoni għandhom jiġu mgħejjuna wkoll biex ma jaqgħux fl-istess vizzjijiet. Tenna bl-awguri li dan il-ftehim ikun ta’ suċċess u jkompli jsaħħaħ ix-xogħol siewi li bews is-sorijiet tal-karità.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Julia Farrugia Portelli, semmiet kif dan il-ftehim huwa parti mill-wegħdiet li għamel dan il-gvern. Hija qalet li l-punt li jixprunaw ħidmet il-gvern f’dan il-qasam huwa l-fatt li dawn in-nies huma vittmi u mhux kriminali, b’hekk kienet għażla awtomatika li l-gvern jidħol fi ftehim ma’ Dar Hosea u li se jkun qed jgħin b’investiment ta’ €40,000.

Is-Soru Salvina Bezzina qalet li permezz ta’ dan il-ftehim il-kollaborazzjoni bejn Dar Hosea u l-faċilita korrettiva ta’ Kordin se tisaħħaħ biex ikomplu jgħinu lill-ħabsin nisa li jkunu qed jiskontaw sentenza b’rabta mal-prostituzzjoni. Hija semmiet kif il-programm se jinkludi anke taħriġ għall-xogħol bl-idejn biex permezz ta’ hekk tinbena relazzjoni bejn il-ħabsin u s-social workers.

Il-kurunell Alex Dalli semma kif il-persuni li jkunu qed jiskontaw sentenza fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin ikunu jridu jirrabilità lilhom infushom u li b’hekk programmi bħall xogħol bl-idejn jgħinuhom isibu ħilijiet differenti kif ukoll biex jintegraw lura fis-soċjetà.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend