L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ngħaqdet mad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, u qalet li l-Prim Ministru fl-aħħar żmien beka d-dmugħ tal-kukkudrilli.
“Rajna ħafna dmugħ tal-kukkudrilli f’dawn l-aħħar xhur u snin”
Kien f’Lulju tas-sena li għaddiet li l-Prim Ministru Joseph Muscat deher emozzjonat waqt li kien qed jaqra l-konklużjonijiet tal-inkjesta indipendenti dwar Egrant. Inkjesta li kkonfermat il-gidba ċċertifikata fuq Joseph Muscat u l-familja tiegħu.
Il-gidba Egrant ġabet riperkuzzjonijiet kbar, li kawża tagħha l-pajjiż kellu jmur għal elezzjoni ġenerali bikrija.
Iżda dak il-mument emozzjonanti tal-Prim Ministru, għal Partit Nazzjonalista huwa dmugħ tal-kukkudrili.
Jeħtieġ li Joseph Muscat jieqaf jilghab noli , jieqaf dan il-logħob ta’ ħabi u jieqaf dan id-dmugh ta’ kukkudrili.
Ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Fuq Twitter, Busuttil, wieħed mill-protagonisti ewlenin f’din il-gidba, talab lill-Prim Ministru biex jieqaf jagħmilha tal-vittma dwar il-gidba Egrant.
Fl-2017 il-blogger Daphne Caruana Galizia allegat li l-kumpanija Egrant hija tal-Prim Ministru u martu.
L-id il-leminija tal-Kap Nazzjonalista Pierre Portelli ddepożita l-qorti, dokumenti b’firem iffalsifikati sabiex issir din il-gidba fil-konfront tal-familja Muscat.
Madankollu l-inkjesta tal-ġudikant Aaron Bugeja xejnet għalkollox din l-allegazzjoni u kkonfermat l-ikbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna.