Bjorn Grima ta’ tlieta u tletin sena mill-Belt ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkuża li fis-sebgħa u għoxrin t’ April ħaraq l-Ark li jintrama għall-festa ta’ San Publiju fil-Furjana.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fil-jum tal-Ħamis, l-Ispettur Saviour Baldacchino f’isem il-Prosekuzzjoni qal li Grima ġie identifikat wara li kienu eżaminati iktar minn ħamsin filmat miġbuda minn kameras tas-sigurta fiż-żona.
Dan filwaqt li ġew identifikati l-vettura u kif ukoll s-sinjali trasmessi mill-mobile tiegħu, li wrew fejn kien dak il-ħin l-istess apparat.
Fil-Qorti, l-akkużat, li jaħdem bħala xufier, kien kalm u ma qalx kelma waħda.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono kkontestat l-oġġezzjoni li saret mill-Prosekuzzjoni għall-ħelsien mill-arrest. Debono argumenta li ma hemm l-ebda prova li l-vettura u l-mobile ta’ Grima ma kienux qed jintużaw minn persuna oħra.
L-Ispettur Saviour Baldacchino qal li ma jiftakar l-ebda każ fejn persuna allegata b’reat marret tliet darbiet fl-istess post, filwaqt li oġġezzjona t-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-provi u kif ukoll li għad fadal min jixhed.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma kuljum fl-għassa tal-belt, depożitu ta’ sebat elef ewro u garanzija personali ta’ sebat elef ewro wkoll.