Anzjani se jkunu jistgħu jżuru s-siti ta' Heritage Malta bla ħlas bil-Passaport tal-Kbar | One News

Anzjani se jkunu jistgħu jżuru s-siti ta’ Heritage Malta bla ħlas bil-Passaport tal-Kbar

Mill-Ħamis, l-anzjani jistgħu jibdew japplikaw għall-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta mill-Kunsill Lokali biex ikollhom aċċess għas-siti kollha ta’ Heritage Malta bla ħlas.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat ftehim bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Heritage Malta ingħad li l-passaport jgħodd għas-siti kollha ta’ Heritage Malta, ħlief l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni.

L-anzjani jistgħu jiġu akkumpanjati wkoll minn żewġ żgħażagħ.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qal li l-iskema ta’ passaporti għall-istudenti kollha kienet suċċess, tant li ż-żjarat fis-siti storiċi żdiedu bi 30,000 persuna mindu tħabbret is-sistema tal-passaporti. Qal ukoll li dan huwa mod wieħed biss ta’ kif is-siti storiċi tagħna jistgħu ikunu aktar aċċessibbli.

“Prattikament ftaħna s-siti kollu għall-poplu kollu isssa. Dan ifisser ukoll bidu ġdid għal Heritage Malta għax għaddejjin ħafna xogħlijiet f’siti ġodda u fuq interpretazzjonijiet biex dejjem il-patrimonju dejjem nuruh fid-dawl li hu.”

Preżenti għat-tnedija tal-Passaport tal-Kbar kien hemm ukoll il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarji Parlamentari Anthony Agius Decelis u Silvio Parnis, li flimkien ma’ għexieren ta’ sindki preżenti laqgħu din l-inizjattiva u ħeġġu lill-anzjani biex japplikaw għal dan il-passaport fil-Kunsill Lokali tagħhom.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend