Tlestiet l-ewwel fażi tar-restawr taż-żewġ palazzi li ser jospitaw l-arkivji notarili.
Dawn jinsabu fi Triq San Pawl kantuniera ma’ Triq San Kristofru u bħalissa qed issir restawr estensiv fuqhom li ser jiswa €5 miljuni. FIlfatt sa’ issa diġa tlesta’ r-restawr fuq il-faċċati taż-żewġ binjiet, biex fil-jiem li ġejjin jibdew ix-xogħlijiet fuq ġewwa.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal kif dan il-proġett qed issir minn Fondi Ewropej u li mistenni jkun lest sas-sena d-dieħla.
L-arkivji Notarili jiġbru fihom dokumenti u manuskriti li jmorru lura sas-seklu ħmistax, in-Nutar Prinċipali tal-Gvern Dr. Keith German spjega l-importanza li dawn id-dokumenti jiġu konservati għax jirrakontaw l-istorja ta’ pajjiżna. Innota wkoll kif f’dawn l-aħħar sitt snin tqajjmet kuxjenza kbira biex issir investiment f’dan il-qasam. Dr. German qal “li tippreservahom mhuwiex biżejjed, għax sintendi jridu jinżammu f’kundizzjonijiet tajbin u dan il-proġett qed jindirizza din il-problema. Filfatt dan il-proġett qed jagħmel rijabilitazzjoni taż-żewġ binjiet li għandna u se jsiru xogħlijiet struturali nkluż kif jinżammu fosthom l-atmosfera.”
Fl-istess konferenza l-perit tal-proġett Jean Frendo spjegat kif iż-żewġ binjiet tas-seklu 18 ser jitnifdu flimkien, biex joħolqu ċentru wieħed kemm storiku u anke xjentifiku. Qalet kif se jsiru “diversi kmamar fosthom laboratorju għal konservazzjoni tal-karta, sistema ġdida ta’ xkafar professjonali mill-arkivji stess, ċentru tal-viżitaturi u mużew biex jatiraw aktar viżitaturi kemm Maltin u anke minn barra.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan hu parti min-nisġa ta’ identita’ ewropea; dan għax il-wirt Malti hu wieħed Ewropew. Il-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett għax qal kif mill-arkivji notarili ħarġu dokumenti oħra mportanti fosthom il-kantilena ta’ Pietru Kaxaru.
Żaru wkoll ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis u s-Segretarju Parlamentari għas-sostenn tal-Belt Valletta Deo Debattista.