Titlesta l-ewwel fażi tal-Proġett ta' Riġenerazzjoni fl-Imqabba li qed isir b'investiment €2 miljun | One News

Notifiki

Titlesta l-ewwel fażi tal-Proġett ta’ Riġenerazzjoni fl-Imqabba li qed isir b’investiment €2 miljun

Illum, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett ta’ riġenerazzjoni fl-Imqabba, fejn b’investiment ta’ aktar minn €2 miljun għaddejja ħidma sabiex tidħol sistema ġdida ta’ culverts li tingħaqad ma’ ġibjun eżistenti flimkien ma’ ġibjun ieħor li se jinbena bħala parti mill-istess proġett, kif ukoll ħidma favur ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ dan ir-raħal.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Ninsabu impenjati li naraw titjib fuq kull livell f’pajjiżna. Il-Gvern impenjat li jgħolli l-livell tal-infrastruttura ta’ pajjiżna – infrastruttura tat-toroq, infrastruttura ta’ faċilitajiet u infrastruttura ta’ spazji pubbliċi, fost oħrajn. Għalhekk bi pjaċir qegħdin hawn fuq dan il-proġett infrastrutturali komprensiv, proġett bi pjan maħsub sew, b’viżjoni biex nilħqu numru ta’ objettivi importanti.”

Il-Ministru ħabbar il-pjanijiet li hemm għar-riġenerazzjoni tal-pjazza tar-raħal filwaqt li għamel referenza għal kemm spazji bħal dawn huma importanti għaliex huma post ewlieni fejn il-komunità tista’ tiltaqa’ ta’ kuljum. Huwa tenna kif proġett bħal dan huwa simboliku għall-ħidma impenjattiva li qed issir mill-Gvern hekk kif il-proġetti qed imorru lil hinn minn objettiv wieħed biss imma l-Gvern qiegħed jara li jintlaħqu diversi miri biex pajjiżna jkun jista’ jieħu lura kemm jista’ mill-investimenti il qed isiru. “U dan huwa possibbli biss meta jkollok Gvern li lest jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali, mal-għaqdiet, mar-residenti u jagħti widen għal dak li hemm bżonn fil-lokalità. Fl-aħħar mill-aħħar aħna qegħdin hawn biex nifhmu aħjar x’inhuma il-prijoritajiet tal-komunitajiet ta’ pajjiżna u nwasslu r-riżultati,” tenna l-Ministru Borg.

Huwa fakkar li mill-2017, il-Ministeru se jkun ikkontribwixxa għall-kreazzjoni jew tisbiħ ta’ madwar 70 proġett ta’ spazji miftuħa għan-nies, u semma’ wkoll il-proġett imħabbar tal-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali li se jkun fih 450,000 metru kwadru.

“Sodisfatt li bħala Gvern qegħdin naraw lill-komunitajiet igawdu mill-proġetti li qed nippjanaw u nwettqu għax verament għandna għal qalbna kull belt, kull raħal, kull resident u kull ċittadin,” għalaq l-Onor. Ian Borg filwaqt li awgura lir-residenti t-tgawdija ta’ dan il-proġett sabiħ.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru s-Sur Christopher Cutajar spjega l-fażijiet differenti tal-proġett u ddeskrivih bħala wieħed li jgħaqqad bosta aspetti tajbin flimkien. Is-Sur Cutajar qal li l-ewwel fażi kienet tinkludi sistema ġdida ta’ stormwater culverts b’madwar 830 metru ta’ pajpijiet li se jkunu qed iwasslu l-ilma tax-xita mill-pjazza għal ġibjun ġdid li se jkun qed jinbena fit-tieni fażi u li se jkun jesa’ madwar 11,000 metru kubu, liema sistema se tingħaqad ukoll ma’ numru ta’ spralli tul il wisa’ kollha tat-toroq involuti. Fl-aħħar huwa spjega li fil-pjazza se jitneħħew il-cables tas-servizzi minn mal-faċċati u se jitpoġġa pavimentar adattat favur pjazza aktar sabiħa.

“Dan huwa proġett li se jtejjeb l-infrastruttura ġewwa l-Imqabba, proġett sostenibbli li se jkun qiegħed isebbaħ lil din il-lokalità filwaqt li jikkunsidra l-ħtiġijiet tal-komunità. Fl-aħħar mill-aħħar, il-proġett se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fl-Imqabba u dan huwa l-iskop prinċipali tagħna,” qal is-Segretarju Permanenti.

Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-Imqabba Dr Charlene Muscat qalet, “Dan il-proġett jimmarka investiment bla preċedent fl-Imqabba, grazzi għal ħidma u kooperazzjoni bejn il-Kunsill u l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, li ta widen u sema’ x’kienu l-prijoritajiet tal-Kunsill u tar-residenti. F’April li għadda, il-Kunsill irċieva l-Excellence in City Management Award mill-Oxford Academic Union, ċertifikat għall-ħidma li wettaqna, u ċerta li l-involviment tagħna f’dan il-proġett importanti kien fattur ewlieni li wassal dan l-unur internazzjonali fl-Imqabba. Grazzi talli għentu biex din il-ħolma issa se ssir realtà.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend