Żewġ kumpaniji li ġew jinvestu Malta bdew l-interess tagħhom f’pajjiżna minn kelma tajba ta’ Maltin li kienu barra pajjiżna u fil-25 ta’ Mejju l-poplu għandu jibgħat messaġġ favur nies bħal dawn.
Tkellem dwar dan il-Prim Ministru, Joseph Muscat, meta f’Ħaż-Żabbar irrakkonta dwar kif matul il-jum żar żewġ kumpaniji li nvestew il-miljuni f’Malta.
Il-ġurnata bidha f’Għawdex fejn mar iżur l-iskola medika ġdida li sa ftit tax-xhur ilu “dawk li jridu jaqtgħulna qalbna minn kollox u f’kull ħin” kienu jgħidu li hemm biss ħofra.
“Illum morru arawha, ġmiel ta’ skola medika mibnija mill-imsieħba strateġiċi tal-gvern,” qal il-Prim Ministru.
“Se jkunu mhux l-aqwa li qatt rajna f’Malta, imma li se jkunu fost l-aqwa li rajna fil-Mediterran u fl-Ewropa,” qal il-Prim Ministru li semma kif sa issa investew €26 miljun li minnhom ma ħareġ xejn il-gvern. Qal li dan hu parti minn ftehim li permezz tiegħu ħadu t-tmexxija ta’ numru ta’ sptarijiet li issa se jirranġawhom. Peró kellhom ukoll jibnu din l-iskola medika biex permezz tagħha l-gvern ġab waħda mill-aqwa skejjel fir-Renju Unit. Joseph Muscat tkellem kif dan hu proġett li se jgħin ukoll biex nibdlu l-wiċċ tal-ekonomija Għawdxija b’mod sostenibbli. Hawn qal kif kien spjegat lilu li kien tabib Malti l-ewwel li ħajjar lin-nies ta’ Barts biex jiġu f’Malta.
Tul il-jum żar ukoll kumpanija f’Malta li għamlet waħda fost l-iktar ħames video games popolari fid-dinja. Investitur Amerikan għażel lil Malta għal dan il-proġett u fi ftit xhur ġab miegħu ħamsin familja biex jaħdmu fuq dan il-proġett. Mistoqsi dwar għaliex ġie Malta qal li kien hemm persuna Maltija li ħeġġitu jagħmel dan.
B’referenza għal dawn iż-żewġ persuni Joseph Muscat qal li dawn huma nies li għandhom lil Malta f’Qalbhom għax kull meta kellhom iċ-ċans għaddew kelma tajba lil Malta.
Dan jikkuntrasta ma’ persuni li għamluha l-missjoni tagħhom kif se jipprovaw jimminaw lil pajjiżna. Huwa għalhekk fil-25 ta’ Mejju l-Maltin għandhom jibagħtu sinjal.
“Nagħtu sinjal li aħna napprezzaw lil Maltin li senza interessi jaħdmu biex iġibu l-affarijiet lejn pajjiżna… mingħajr ma jfittxu l-grazzi, mingħajr ma jieħdu xejn lura. U nagħtu sinjal bil-maqlub lil min messu jaf aħjar. Lil min jinvesti kull nifs li għandu biex jaħdem kontra pajjiżna,” qal il-Prim Ministru li tenna hemm għodda waħda biex jasal il-messaġġ.
“Huwa wkoll għodda biex nagħżlu lil min irridu biex imexxi l-lokalitajiet tagħna. X’insult għamel il-Partit Nazzjonalista lejn iż-Żabbarin u n-naħa ta’ isfel tal-pajjiż. Għażlu biex ma joħorġux kandidati biżejjed fuq din il-lokalità u b’kollox 23 lokalità,” qal il-Prim Ministru li spjega kif dan hu insult għal persuni ta’ kull fehma politika. Filwaqt li rrefera għal numru ta’ proġetti f’Ħaż-Żabbar u n-nofsinhar ta’ Malta l-Prim Ministru tkellem kif il-gvern għandu lil Malta kollha f’Qalbu.
Tkellem ukoll dwar il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista bbażata’ fuq il-biża u l-qerq.
Joseph Muscat qal li f’dawn l-aħħar jiem irċieva appoġġ kbir minn Maltin li rreaġixxew għal mod kif il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ juża l-gidba Egrant u wrew solidarjetà miegħu. Hawn appella lil dawn il-persuni biex fil-25 ta’ Mejju jerġgħu jkunu miegħu bil-vot.