Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri ħabbar li mil-lum ċittadini fi ħdan l-Unjoni Ewropea, inklużi l-Maltin, jistgħu jċemplu minn Malta lejn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bi prezzijiet fissi u ridotti.
Dan bħala parti mir-regolamenti dwar Komunikazzjoni Intra-EU fejn telefonati u messaġġi li jsiru minn ċellulari abbonat f’Malta lejn pajjiżi oħra fiż-żona ekonomika Ewropea li tinkludi l-istati membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Iżlanda, Liechtensten, u n-Norveġja (malli dawn ikunu inkorporati fil-ftehim tal-EEA).
Dan ifisser li mil-lum, telefonati u messaġġi b’rati fissi u ridotti u dan biex ikun assigurat li l-konsumaturi ma jħallsux prezzijiet għoljin.
“Ir-rati fissi għal telefonati u messaġġi li jidħlu fis-seħħ mil-lum ifissru li l-konsumatur se jħallas rati fissi meta jċempel u jibgħat minn Malta lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Nirringrazzja lill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni li ħadmet mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra fit-tfassil tar-regolamenti ġodda. L-istess awtorità se tkun responsabbli sabiex tassigura li l-operaturi kollha jimxu mar-regoli tant li fiż-żmien li ġej se titnieda kampanja informattiva biex il-pubbliku jkun infurmat aħjar b’dawn il-bidliet”, qal Silvio Schembri filwaqt li żied li din l-inizjattiva tikkumplimenta dik ta’ Roam like Home li daħlet fis-seħħ sentejn ilu. “Iż-żewġ inizjattivi huma sinifikanti għaliex iqarrbu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadin”.
Il-massimu ta’ rati esklużi t-taxxi li l-operaturi se jiċċarġjaw għal telefonati u SMSs huma:
- Telefonati minn linji diretti b’rata ta’ €0.19 kull minuta
- Telefonali li jsiru minn ċellulari b’rata ta’ €0.19 kull minuta
- SMS b’rata ta’ €0.06 għal kull SMS
Ir-regolamenti l-ġodda japplikaw għall-konsumaturi biss. Għalhekk min hu konsumatur b’negozju dawn ir-regolamenti ma japplikawx.