“Għandna nuru rispett ikbar lill-anzjani tagħna – dawk li b’ħidmiethom bnew is-soċjetà tagħna.”
Dan il-messaġġ tal-President George Vella fi żjara flimkien ma’ martu fid-dar tal-anzjani taż-Żejtun. F’din id-dar il-President u martu ngħataw merħba mill-isbaħ, bil-President jindirizza lil bosta b’isimhom, u oħrajn jirrakkontawlu kif sabu l-appoġġ tieghu bħala politiku, u iktar u iktar bħala tabib.
Il-President ta’ Malta saħaq li biż-żjarat tiegħu irid iwassal il-messaġġ li hu l-President ta’ kulħadd.
Huwa nnota kif l-anzjani huma dawk li b’ħidmiethom bnew il-familji tal-lum, u għaldaqstant għandna nuruhom ir-rispett li jixirqilhom.
Spjega li jieħu gost jara li anzjani li jkollhom il-ħtieġa jidħlu f’dar tal-anzjani, jsibu s-sostenn mis-soċjetà.
Fl-istess waqt appella għat-tisħiħ dejjem iżjed tal-faċilitajiet u l-pensjonijiet biex tittejjeb il-kwalità tal-anzjani, u biex tikber il-kuxjenza fil-komunità favur rispett ikbar lejn l-anzjani, fosthom b’iktar żgħażagħ u gruppi ta’ żgħażagħ iżuru lill-anzjani b’mod regolari.