Il-MATSEC qed tinvestiga rapporti ta’ storbju li sar waqt l-eżami tas-SEC tal-Malti. Fi stqarrija l-MATSEC qalet li wara li rċeviet numru ta’ rapporti dwar storbju f’dar privata biswit il-Kumpless Giovanni Curmi waqt li studenti kienu qed jagħmlu t-tieni karta tal-Malti fil-livell SEC, il-MATSEC qed tkompli tindaga fuq il-fatti sabiex jiġi żgurat li l-istudenti li kienu fiċ-Ċentru ma jkunux żvantaġġati.
Sadanitant il-MATSEC qalet li hi nfurmata li d-Dipartiment tal-Eżamijiet li huwa responsabbli mill-postijiet li jintużaw għall-ezamijiet qiegħed f’taħdidiet mal-awtoritajiet sabiex ma jkunx hemm repetizzjoni ta’ tali storbju waqt l-eżamijiet.
B’kollox hemm 5407 student li qed jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC, flimkien ma’ 883 oħra li qed jagħmlu eżamijiet f’suġġetti vokazzjonali fl-istess livell u 3857 kandidat li resqu għall-eżamijiet tal-MATSEC.
L-eżamijiet bdew f’Marzu bl-orali u jibqgħu sejrin sat-tielet ġimgħa ta’ Ġunju.