Ħelsien mill-arrest wara li tat daqqa ta' sikkina lir-raġel tagħha wara allegat vjolenza domestika | One News

Notifiki

Ħelsien mill-arrest wara li tat daqqa ta’ sikkina lir-raġel tagħha wara allegat vjolenza domestika

Omm ta’ 27 sena ngħatat l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet wara li tat daqqiet ta’ sikkina lir-raġel tagħha wara li allegatament għamlet numru ta’ rapporti b’rabta ma’ vjolenza domestika liema rapporti ma ttiħditx azzjoni dwarhom. 

L-omm Żabbarija ttieħdet il-Qorti wara li l-Pulizija ġew infurmati li raġel ittieħed iċ-ċentru tas-saħħa midrub wara li allegatament qala’ daqqa ta’ sikkina mingħand martu. Wara tfittxija hi nstabet ukoll fiċ-ċentru tas-saħħa tingħata l-kura għal ġrieħi f’wiċċha li ġarrbet waqt wieħed minn għadd ta’ argumenti li kien ikollha mar-raġel.

Il-Qorti semgħet kif l-omm, li għandha wild b’diżabbiltà, kienet għamlet numru ta’ rapporti kontra l-allegat vittma fosthom rapport fi Frar fejn allegatament taha xeba f’Paceville – fejn minkejja ġie mitkellem mill-Pulizija, l-ebda azzjoni ma ttieħdet.

Wara li l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella qieset kollox, fosthom li l-mara hi omm ta’ tifel ta’ seba’ snin b’diżabbiltà, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,000. Il-Qorti imponiet ordni ta’ tliet snin protezzjoni li tipprojbixxi lill-mara milli tavviċina lir-raġel tagħha, u wissieta li jekk ir-raġel javviċinaha hi għandha tkellem lill-Pulizija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend