Bit-tliet proġetti mħabbra l-ġimgħa li għaddiet fil-qasam ambjentali f’Ta’ Qali, Birżebbuġa u Santa Venera, il-Gvern Laburista preżenti se jkun l-ewwel gvern li għamel investiment qawwi fi spazji miftuħa. Dan qalitu l-kandidata għall-Parlament Ewropew Lorna Vassallo fi stqarrija għall-istampa ġimgħa qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Lil hemm minn akkużi infondati tal-Oppożizzjoni ħafna drabi l-inizjattivi ambjentali konkreti tal-gvern laburista jinsabu fil-qalba ta’ dak li qed tikkritika l-Oppożizzjoni stess. Mentri l-Oppożizzjoni tinterpreta twessiegħ ta’ toroq u rilokazzjoni ta’ siġar bħala qerda ambjentali, fil-verità eżerċizzji bħal dawn se jirriżultaw f’arja ferm ikbar nadifa.
Issa wasalna fil-fażi li jmiss. Fejn f’żoni partikulari jinħolqu pulmuni urbani li jroddu lura kumpens ambjentali lil residenti li ilhom għal ġenerazzjonijiet sħaħ ibatu l-konsegwenzi tal-industrijalizzjazzjoni u taż-żieda fit-traffiku. Dawn ir-residenti wkoll għandhom id-dritt li jgawdu mill-iżviluppi fl-ekonomija. U l-uniku mod kif dawn ir-residenti jistgħu jgawdu huwa proprju permezz ta’ kumpens ambjentali.
Lorna Vassallo fakkret ukoll li gvern laburista kien il-gvern li mhux talli għalaq darba għal dejjem l-impjant tal-enerġija tal-Marsa, li sewa lill-poplu Malti tant flus sempliċement f’multi taħt gvern nazzjonalista, imma waqqa’ ċ-ċumnija ta’ Dellimara, simbolu ta’ arja maħmuġa. B’rekord ambjentali bħal dan, gvern laburista preżenti jista’ faċilment jissejjaħ ukoll, l-iktar gvern ambjentalista fl-istorja.