"Għamilna ħafna iżda fadal x'nagħmlu għall-ugwaljanza" – il-Prim Ministru | One News

Notifiki

“Għamilna ħafna iżda fadal x’nagħmlu għall-ugwaljanza” – il-Prim Ministru

Għamilna qabżiet il’quddiem fl-ugwaljanza u fejn wasalna huwa pass enormi. Iżda xorta fadal xi jsir.

Saħaq dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’attività politika fin-Naxxar l-Erbgħa filgħaxija.

Dr Muscat saħaq li l-fatt li għar-raba’ sena Malta kklassifikat l-ewwel ma’ dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet ċivili huwa ċertifikat lil kull wieħed u waħda minna. Juri l-gvern ma beżax li jagħti drittijiet ġodda. Iżda issa hemm bżonn il-pass li jmiss, speċjalment biex tingħeleb darba għal dejjem l-inugwaljanza fil-konfront tal-mara.

Spjega li jixtieq jara sitwazzjoni fejn il-leave tal-maternità u l-paternità jispiċċaw, u minflok isir leave wieħed komuni bejn il-koppja li jinqasam skont il-ħtiġijiet ta’ dik il-koppja.

Il-Prim Ministru qal “Fejn nixtieq nasal jien? Li eventwalment ma tibqax maternity leave u paternity leave. Dak irid jispiċċa u jsir leave wieħed li jkun mhux ta’ persuna waħda imma jkun tal-koppja u jekk trid tieħdu kollu l-omm, jekk iridu jieħduh nofsu l-omm u nofshu l-missier, jew iż-żewġ ommijiet jew iż-żewġ missirijiet. Jekk l-omm għanda karriera u l-missier irid jibqa’ id-dar jieħdu kollu l-missier.”

Filwaqt li sostna li l-qabża liberali ‘l quddiem fl-aħħar snin anka tat dritt tal-leave tal-maternità lil persuni li jagħmlu l-IVF, ikkritika l-fatt li l-ewwel mozzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kienet dik li propju dan il-leave ma jingħatax.

Mistoqsi mill-preżentatriċi Ramona Attard dwar id-dikjarazzjonijiet minn esponenti Nazzjonalisti fl-aħħar jiem wara s-sentenza li ngħatat mill-qorti biex Adrian Delia ma jingħatax kopja tal-inkjesta Egrant, il-Prim Ministru spjega li huwa seren, għax jemmen f’dak li qed jagħmel, u jaf li dak li qed jagħmel huwa sewwa.

Qal li “Il-ħajja s’issa għalmitni li fl-aħħar mill-aħħar il-qrusa u l-mibgħeda ma jwassluk imkien. Qedgħin hawnhekk għax nemmnu f’dak li qedgħin nagħmlu. Għalhekk b’wiċċna minn quddiem biex nitolbu lill-poplu biex fil-25 ta’ Mejju li ġej joħroġ jivvota għall-kandidati kollha.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend