Daħlu fl-aħħar fażijiet ix-xogħlijiet fuq l-iskola medika ta’ Barts biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Din il-binja ta’ erba’ sulari mgħammra bl-aktar faċilitajiet moderni bdiet tinbena ftit iżjed minn sena ilu b’investiment inizjali ta’ iżjed minn €26 miljun. Din l-iskola se tilqa’ l-ewwel grupp ta’ 60 student f’Settembru li ġej, bit-total eventwali jkun ta’ 300 student.
Il-Kap Operattiv ta’ Stewart Healthcare Jan Gloer spjega li dan il-proġett huwa parti minn strateġija fit-tul minn Stewart li tinkludi wkoll ir-rinovazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex flimkien mal-isptarijiet ta’ San Luqa u Karin Grech f’Malta.
Il-Kap tal-Iskola Medika ta’ Barts, il-Professur Anthony Warrens qal li dan il-proġett nibet minn sempliċi diskursata informali ma’ professjonist mediku Malti f’Londra. Saħaq li mill-ewwel laqgħat induna li l-Gvern Malti ħa d-diskussjonijiet b’serjetà kbira.
Ma’ one.com.mt spjega kif flimkien maċ-ċentru tal-anatomija li nfetaħ f’Diċembru li għadda dawk li se jistudjaw f’dan il-kumpless se jieħdu edukazzjoni tal-ogħla livell.
“We will be having within a few weeks a state of the art hospital site for medical education to supplement the site we already have in the Anatomy centre which will give as the opportunity to develop and deliver really high quality education to our students. So it’s really important to us,” saħaq il-Professur Warrens.
Il-Professur Warrens spjega wkoll li dan iċ-ċentru huwa biss il-bidu ta’ kollaborazzjoni ikbar ma’ entitajiet Maltin li jistgħu jestendu lil hinn mis-settur tas-saħħa.
“We’re collaborating with the University of Malta and we’re planning a joint post-graduate course at Masters level in surgical sciences and there are lots of other opportunities, not just in medical sciences. There’s work that is done by our law department here in Malta, so this could be a multi-layer relationship between our university and Malta that would be in everyone’s interests,” spjega l-Professur.
Waqt żjara fuq is-sit, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fi ftit iżjed minn sena sar progress enormi biex inbena dan iċ-ċentru li fi kliemu huwa uniku fil-Mediterran.
Spjega li dan l-investiment ta’ Barts f’Għawdex huwa turija ċara tal-impenn lejn pajjżna. Filwaqt li qal li huwa kburi li dan l-investiment tant importanti qed iseħħ f’Għawdex, saħaq ukoll li din l-isħubija bejn Barts u pajjiżna se tkun ta’ benefiċċju kbir għas-settur tas-saħħa f’pajjiżna.
Benefiċċju li se jittrasforma l-kura medika f’Għawdex, kif spjega id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
“Il-pazjenti Għawdxin issa barra din l-iskola medika fejn diġa qed naraw binjiet ġodda tilgħin madwar l-isptar, ifisser ukoll li l-focus ikun fuq l-isptar il-ġdid li ħa jkollna fil-kampus tal-isptar t’Għawdex li allura se jfisser servizz aħjar lill-pazjenti Għawdxin,” qal Dr Fearne.