B’investiment ta’ €12 il-miljun, il-Gvern se jibni dar tal-anzjani ġdida f’Birkirkara. Id-dar fi Triq Ganu, se takkomoda 150 anzjan jew anzjana, bix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin biex tkun lesta fi żmien tliet snin.
Dan l-investiment tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, flimkien mal-Ministri Michael Falzon u Konrad Mizzi.
Il-Ministru Falzon spjega kif din id-dar se jkollha għadd ta’ faċilitajiet oħra fosthom gym u wkoll sitt postijiet ta’ night shelter, biex dawk li joqogħdu fil-komunita’ jkollhom jistgħu jorqdu.
Is-Segretarju Parlamentari għall-anzjanita’ attiva Anthony Agius Decelis qal kif dan il-proġett se jgħin biex tkompli tonqos il-lista’ ta’ stennija ta’ dawk li qed jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani.
Il-Ministru Konrad Mizzi responsabbli mill-aġenzija tal-Gvern Projects Malta qal l-proġett se jaħseb ukol għal dawk li joqogħdu fil-madwar.