Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-Gozo Expo 2019 u l-Gozo Business Awards li huma żewġ inizjattivi li qed isiru għall-ewwel darba f’Għawdex fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex.
Waqt it-tnedija ta’ dawn l-attivitajiet, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dawn iż-żewġ avvenimenti jaqgħu taħt l-istrateġija tal-Ministeru għal Għawdex, b’objettiv għal aktar żvilupp tan-negozju, espansjoni tal-kummerċ u żieda fl-investiment. Dan l-avveniment uniku huwa intiż biex jiċċelebra l-kisba tal-intraprizi Għawdxin, u jgħaqqad flimkien aktar minn 300 intraprendituri tan-negozju fil-gżira Għawdxija, minn eżekuttivi, konsulenti, start-ups, u investituri li huma meqjusa bħala innovaturi u l-mexxejja tat-trasformazzjoni tan-negozju.
“Il-preżenza u l-parteċipazzjoni nnifisha ta’ diversi negozji ewlenin minn Għawdex tinkorpora l-ispirtu sħiħ ta’ dan l-avveniment ewlieni. Il-Ministeru għal Ghawdex impenjat li jagħti aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ u joħloq attivitajiet għan-negozju sabiex ikomplli jitkattar il-ġid fil-qasam kummerċjali, industrijali u f’oqsma oħra,” qalet il-Ministru Caruana.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li Għawdex hu l-ambjent ideali fejn azjendi żgħar u innovattivi qed isibu l-għodda biex jikbru u jespandu u stqarret li l-impenn tal-Gvern favur in-negozju f’Għawdex u l-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex hu wieħed ċar bl-implimentazzjoni tal-ICT Hub u SME Park fix-Xewkija u t-tqegħid tat-tieni fibre optic cable.
Filwaqt li rringrazzjat lill-organizzaturi, awgurat lill-partrċipanti kollha li ser jieħdu sehem f’din l-attività iddedikata għan-negozju f’Għawdex u awgurat kull suċċess.