Il-Qorti Kostituzzjonali ppreseduta mill-Imħallef Robert Mangion ċaħdet it-talbiet kollha tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jiġi ppubblikat b’mod sħiħ ir-rapport tal-inkjesta Egrant.
F’Awwissu li għadda, Delia fetaħ kawża l-qorti kontra l-Avukat Ġenerali Peter Grech sabiex jiġi ppubblikat ir-rapport sħiħ tal-inkjesta għax allega li kien qed jiġi ddiskriminat. Madankollu f’sentenza ta’ sitta u tmenin paġna, l-Imħallef Mangion ċaħad it-talbiet kollha ta’ Adrian Delia.
Fid-deċiżjoni tiegħu l-Imħallef qal li l-Avukat Ġenerali ma kiser l-ebda dritt tal-Kap tal-oppożizzjoni Adrian Delia meta m’għaddilux kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant. L-Imħallef Mangion qal li għarbel sew it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni u innota li fl-Inkjesta Egrant ma jistax jingħad li l-pożizzjoni tiegħu hija simili għal dik tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan għax kif sostna l-Avukat Ġenerali, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kienx fil-mira tal-inkjesta Maġisterjali.
L-Imħallef innota wkoll li għalkemm l-inkjesta Egrant ingħalqet, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin fuq talba tal-istess maġistrat inkwerenti. L-Imħallef innota li l-Avukat Ġenerali għadda koppja tal-inkjesta Egrant lill-Prim Ministru għax mhux biss kien hu li talab li ssir l-inkjesta Egrant, iżda rabat magħha l-futur poltiku tiegħu mar-riżultanzi tagħha.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Imħallef Magion qal li wara li eżamina l-provi, l-Avukat Ġenerali ma kiser l-ebda dritt fundamentali ta’ Adrian Delia.
B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni Adrian Delia qal li se jkun qed jappella mid-deċiżjoni.
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal fi stqarrija li nnota l-kontenut tas-sentenza fejn il-qorti caħdet it-talbiet kollha tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.