50 pazjent se jibbenefikaw minn mediċini ġodda tal-kanċer li issa qegħdin fil-formularju tal-Gvern | One News

Notifiki

50 pazjent se jibbenefikaw minn mediċini ġodda tal-kanċer li issa qegħdin fil-formularju tal-Gvern

Il-Gvern introduċa mediċini ġodda għall-kura tal-kanċer fil-formularju tiegħu. Il-mediċini, li jissejħu Cancer Immunotherapy Medicines, jintużaw għat-trattament ta’ tipi differenti ta’ kanċer fosthom il-melanoma u l-kanċer fil-pulmun, billi jħallu l-immunità tal-ġisem teqred il-kanċer hi stess.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, spjega li “mhux kull persuna tirrispondi l-istess għat-tip ta’ trattament. Hawn min il-kanċer tiegħu iwassal għal operazzjoni, min chemotherapy, u min raġġi. Issa daħlet sistema ġdida ta’ immunoterapija li prattikament issaħħaħ il-ġisem biex jiġġieled il-kanċer hu stess. Huma importanti ħafna, u hemm pazjenti li jmorru tajjeb ħafna fuqhom. Dawn jiswew ħafna flus imma ħassejna li flus il-Gvern, wieħed mill-aqwa modi kif nonfquhom huwa propju biex inwasslu dawn il-mediċini lill-poplu”.

S’issa l-Gvern kien jonfoq mal-€14-il miljun fis-sena f’kura tal-kanċer, bil-mediċini ntrodotti t-Tlieta se jżidu daqs €3 miljun oħra fis-sena f’din in-nefqa.Dan ifisser li l-Gvern issa se jkun qed jinvesti aktar minn €17-il miljun f’mediċini tal-kanċer fis-sena, li jfisser bejn €80,000 u €100,000 għal kull trattament.

B’mod immedjat, sa 50 pazjent se jkunu l-ewwel li jibbenefikaw minn dawn il-mediċini l-ġodda, iżda dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn din il-mediċina, u l-ispeċjalisti jaraw li tkun ta’ benefiċċju fit-trattament, se jkollu aċċess mingħajr ħlas għaliha mill-formularju tal-Gvern.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend