Se jiżdiedu t-testijiet tad-demm speċjalizzati li jistgħu jsiru fil-Laboratorji tal-Patoloġija f'Għawdex | One News

Notifiki

Se jiżdiedu t-testijiet tad-demm speċjalizzati li jistgħu jsiru fil-Laboratorji tal-Patoloġija f’Għawdex


Aktar servizzi mediċi għall-Għawdxin, f’Għawdex stess.

F’inqas minn ġimgħa mindu ġew inawgurati swali ġodda tal-ortopedija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex – li minnhom se jibbenefikaw pazjenti li jkollhom bżonn operazzjoni fl-għadam, b’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro, ġew inawgurati l-Laboratorji tal-Patoloġija fl-Isptar t’Għawdex.

B’dan l-investiment issa mhux biss hemm spazju ikbar, iktar komdu u modern minn fejn il-professjonisti se jaħdmu, iżda żdiedu wkoll bi tnax, it-testijiet tad-demm li se jsiru f’Għawdex – fosthom testijiet speċjalizzati tal-kanċer, tat-thyroid, u tal-HIV.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nnota li s-sena li għaddiet, f’Għawdex saru madwar sitt mija u ħamsin elf test tad-demm, filwaqt li ntbagħtu mija u sbatax-il elf kampjun tad-demm f’Malta biex isiru testijiet fuqhom.

Intqal kif “Sa issa parti sostanzjali li jsiru f’Għawdex ikollhom jinħadmu fil-laboratorju ta’ Malta. Mil-lum, b’dan l-investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro, dawn it-testijiet ħafna minnhom jistgħu jsiru f’Għawdex stess. Dan ifisser li f’laboratorju ġdid b’makkinarju awtomatizzat u bir-robotika, jistgħu jsiru f’temp iqsar li jfisser li l-pazjenti jkollhom riżultati iżjed malajr u allura jibdew il-kura iżjed malajr.”

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li minbarra l-immodernizzar fil-laboratorji – li se jfisser iżjed servizzi għall-Għawdxin f’Għawdex stess, b’dan l-investiment kien hemm ukoll żieda fir-riżors uman.

Filfatt, wara taħriġ speċjalizzat, l-impjegati fil-Laboratorji tal-Patoloġija f’Għawdex żdiedu b’sitt Xjentisti Mediċi fil-Laboratorju u ħames professjonisti oħra għal total ta’ tmienja u tletin ħaddiem.

Qal kif “Apparti li sar reklutaġġ ġdid, kien hemm ukoll fosthom ħaddiema li kienu jaħdmu Malta u issa bis-saħħa ta’ dan l-investiment ġew jaħdmu f’Għawdex u allura nkomplu nsaħħu l-għajta tagħna ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin ukoll permezz ta’ dan l-investiment ġdid li qed isir fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend