App li tappoġġja liż-żgħażagħ li jiffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali, inizjattiva li tappoġġja l-vittmi ta’ abbuż domestiku ħalli jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, sistema ta’ parkeġġ intelliġenti mfassla f’Katanja imma li tapplika ukoll għal Malta, u ristorant li jopera b’persuni b’diżabiltà, rebħu total ta’ €24,000 f’servizzi ta’ appoġġ biex iwasslu l-ideat tagħhom għal-livell li jmiss.
Il-premjijiet ta’ €6,000 kull wieħed kienu ppreżentati fi tmiem il-Profit with Purpose. Dan l- avveniment fuq jumejn, iddedikat għall-ideat ta’ innovazzjoni soċjali, sar fil-Malta Innovation Hub li jifforma parti mill-Malta Life Sciences Park. Tlieta mill-premjijiet kienu sponsorjati minn ENISIE, proġett li nħoloq biex jippermetti l-innovazzjoni permezz ta’ servizzi u impenn istituzzjonali bejn Sqallija u Malta. Ir-raba’ premju kien ippreżentat mill-Valletta Design Cluster u Malta Innovation Hub.
L-Ing. Joseph Sammut, iċ-Chairman ta’ Malta Life Sciences Park, qal: “Profit with Purpose wera kemm hawn ideat kbar ta’ innovazzjoni soċjali. Kien tassew inkoraġġanti li naraw numru ta’ imprendituri jippreżentaw proġetti kummerċjali vijabbli li ukoll jittrattaw problemi soċjali. L-aħħar sejħa għall-premjijiet kienet impressjonanti ħafna u l-bord tal-għażla sabha tant diffiċli li jagħżel ir-rebbieħa. Fil-fatt, żdied premju addizzjonali mat-tlieta ppjanati oriġinarjament.
Ir-rebbieħa issa se jibbenefikaw minn €6,000 kull wieħed f’servizzi ta’ appoġġ inkluż aċċess għall-hot desk u għarfien espert ta’ konsulenza dwar l-iżvilupp tan-negozju. Profit with Purpose kien organizzat flimkien mal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju kif ukoll mal-Impact HUB Siracusa u Tree. L-erba’ organizzazzjonijiet huma parti mill-ENISIE, li hu appoġġjat mill-Programm tal-Unjoni Ewropea INTERREG V-A Italia-Malta, u jipprovdi fondi għal proġetti intra-reġjonali.