Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hija r-responsabiltà ta’ kulħadd li nagħtu appoġġ bil-fatti lill-Partit Laburista. Qal li dan jista jsir biss billi fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ mejju li ġej nivvotaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.
Dr Muscat qal dan f’intervista li saritlu fuq ONE Radio.
Saħaq li dawn l-elezzjonijiet huma għat-telgħa għall-Partit Laburista u għalhekk l-appoġġ għandu jingħatalu b’vot ċar lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru qal li huwa evidenti li l-Partit Nazzjonalista issa nqabad fi stat ta’ paniku u qed jiprova jbeżża’ bil-babaw.
Semma kif dan il-Gvern f’temp ta’ ħames snin irnexxielu joħloq aktar impjiegi milli ħolqot amministrazzjoni Nazzjonalista f’25 sena.
Huwa għalhekk li l-poplu għandu għażla ċara quddiemu – dik li jibqa’ miexi fit-triq li qabad dan il-Gvern li qed jagħmel minn kollox biex ipoġġi fuq quddiem nett tal-aġenda tiegħu l-prioritajiet tan-nies- dik ta’ aktar xogħol, kwalità ta ħajja aħjar, aktar ħin mal-familja.