Għar-raba’ sena konsekuttiva Malta reġgħet ġiet ikklassifikata l-ewwel fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.
Il-klassifika magħrufa bħala Rainbow Europe u ppubblikata mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Lesbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersex (ILGA), hija msejsa fuq 6 kategoriji tematiċi: proprju l-ugwaljanza u l-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, il-protezzjoni kontra l-mibegħda u l-omofobija, id-dritt li tifforma familja, ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru, l-inklużjoni soċjali u d-dritt tal-ażil.
Din is-sena ILGA Europe żiedet il-kriterji tagħha għal total ta’ 69 kriterju biex eżaminat bir-reqqa l-liġijiet u l-politiki ta’ 49 pajjiż Ewropew.
Malta kisbet riżultat ta’ 90% biex għar-raba’ sena konsekuttiva kienet ikkonfermata bħala l-aqwa pajjiż fl-Ewropa, segwita mill-Belġju bi 73% u l-Lussemburgu b’riżultat ta’ 70%. L-Armenia (7%), it-Turkija (5%) u l-Ażerbajġan (3%) jiffurmaw l-agħar tliet pajjiżi fil-klassifika.
Dan kollu frott il-bidla fid-direzzjoni li implimenta gvern riformista, bil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza issa jwaqqaf taqsima speċjali fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni dwar l-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess bil-għan li minn 90%, nitilgħu għal riżultat ta’ 100%.
Permezz ta’ din it-taqsima l-gvern qed jara li lil hinn mill-aspett legali, isaħħaħ il-politiki tiegħu u jassigura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-orjentazzjoni tal-ġeneru fl-operat u fid-dipartimenti kollha tiegħu, waqt li jservi bħala punt ta’ riferiment għas-settur privat hekk kif Malta tkompli ssaħħaħ r-reputazzjoni tagħha bħala ġuriżdizzjoni b’saħħitha fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem.
Fil-fatt diġà mexjin f’din id-direzzjoni tant li l-aħbar tal-lum issegwi dik li ħarġet f’Marzu li għadda meta ILGA World ikkonfermat lil Malta bħala l-uniku pajjiż li ssodisfa l-kriterji kollha tagħha fuq bażi dinjija biex pajjiżna kien iddikjarat bħala l-aqwa fid-dinja mhux biss fl-Ewropa.
Fi tweet il-Prim Ministru laqa’ din l-aħbar u sostna li l-gvern se jkompli bil-ħidma tiegħu għal iktar ugwaljanza.
#Malta again tops @ILGAEurope table on #LGBTIQ policy for fourth year in a row, and by a wide margin. Our quest for #equality continues -JM @helenadalli @SilvanAgius @MGRM_Malta pic.twitter.com/9WGwfHxanR
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) May 13, 2019