Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret numru ta’ attivitajiet li se jiġu organizzati matul tmiem il-ġimgħa ta’ bejn il-Ħamis 6 u l-Ħadd 9 ta’ Ġunju.
Waqt it-tnedija ta’ dawn l-attivitajiet il-Ministru Caruana qalet li dan il-programm varjat jinkludi fih attivitajiet stabbiliti u oħrajn ġodda li issa ġew parti minn pakkett wieħed għal-long weekend tas-Sette Giugno. Dan għaliex avvenimenti stabbiliti bħal RockAstra, Leone Goes Pop u l-Festival tal-Inbid ta’ Santa Luċija issa ġew parti minn dan il-programm u flimkien magħhom żdiedu l-Honey and Bee Festival u l-Festa Għawdxija li saru għall-ewwel darba s-sena l-oħra flimkien ma’ attività ġdida ta’ festival għat-tfal.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Ministeru hu impenjat li jkompli jgħin lill-għaqdiet Għawdxin biex jipproduċu attivitajiet ta’ kwalità u li permezz tagħhom qed naspiraw li aktar tfal u żgħażagħ jiskopru t-talenti tagħhom u jikkontribwixxu għall-ġid tas-soċjetà u tal-industrija turistika. Attivitajiet bħal dawn huma wkoll immirtati biex inkomplu nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika matul is-sena kollha permezz ta’ pakkett ta’ attivitajiet li jkunu perjodiċi u marbutin b’tema u li allura għax-xahar ta’ Ġunju għandna Gozo Pops and Rocks, qalet il-Ministru Caruana.
L-attivitajiet huma:
Il-Ħamis, 6 ta’ Ġunju
Leone Goes Pop fi Pjazza Indipendenza
Il-Ġimgħa, 7 ta’ Ġunju
Junior Pops Song Fest fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle
Is-Sibt, 8 ta’ Ġunju
Honey & Bee Festival fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle
RockAstra fi Pjazza Indipendenza
Il-Ħadd, 9 ta’ Ġunju
Kommemorazzjoni tal-Festa tas-Sette Giugno, Pjazza Vittorja, Xagħra
Il-Festa Għawdxija fil-Pjazza tal-Qala
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit visitgozo.com.