Miexi ġmielu x-xogħol fuq dak magħruf bħala “il-Foss” f’Ħaż-Żabbar, li qed isir b’investiment ta’ €350,000.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministri Jose Herrera u Helena Dalli kien spjegat kif għal snin twal dan il-post kien mitluq u kien jintuża għal rimi illegali.
Spjegaw li fl-intervent li qed isir hu maħsub li jippreserva s-siġar li hemm, u magħhom tħawlu 1,500 siġra oħra.
Barra minn hekk, parti zgħira minn dan il-park ta 44 tomna se tintuża għal żona għal logħob, teatru mitfuħ, kafetterija, faċilitajiet sanitarji.
Barra minn hekk twittew xi partijiet biex jitħaffef l-aċċess, u qed jiġu installati xi dwal mal-mogħdijiet, b’attenzjoni kbira biex l-impatt fuq l-ambjent naturali jkun l-inqas possibbli.
B’hekk ir-residenti tal-lokalitajiet tal-madwar ikollhom post naturali mill-isbaħ fejn iqattgħu ħin ta’ mistrieħ.