Il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà kif imħaddma mill-Partit Laburista fil-Gvern għandhom ikunu mmexxija mill-Kummisjoni Ewropea biex hekk ikollna Ewropa li verament taħdem għalina.
Spjegat dan il-kandidata għall-Parlament Ewropew Fleur Vella f’laqgħa taħt it-tinda f’San Pawl il-Baħar, fejn spjegat il-prijoritatjiet tagħha għal ħidma fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Hija enfasizzat li se tiġġieled biex Malta ma ssirx ċentru fejn jieqfu l-immigranti sakemm jitqassmu fost pajjiżi oħra.
Konxja li f’ċerti lokalitajiet ikun hemm imġieba anti-soċjali, Vella saħqet li tappoġġja l-ħidma li qed issir minn Gvern Laburista biex ikun hemm tisħiħ tas-sigurtà billi ngħassu żoni problematiċi.
Fleur Vella saħqet ukoll li għandna Ewropa li ma tisfruttax bizzejjed is-saħħa diplomatika tagħha biex jitwaqqfu l-gwerer u għalhekk ikun hawn iktar stabilità fil-Mediterranan. Stabilità li hija tant meħtiega għat-tkabbir tal-ġid.
Saħqet li l-Ewropa għandha tkun ‘leader’ fit-teknoloġiji ġodda bħal intelliġenza artifiċjali u blockchain.
Kompetizzjoni ġusta, fejn prodotti mmanifatturati bi standards tajbin ta’ ħarsien tal-impjegati, tar-riżorsi naturali u tal-ambjent biss ikunu jistgħu jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea, hija wkoll prijorità għal Vella.
Dwar l-ambjent, saħqet li għandna bżonn Ewropa li tgħin biex innaqqsu ir-rimi ta’ plastik u jkollna metodi ta’ trasport li l-inqas li jniġġsu filwaqt li jkun affordabbli.
Il-prijorità soċjali ta’ Vella fl-Ewropa hija li t-tfal kollha għandhom ikollhom aċċess għal l-aqwa servizzi tas-saħħa u edukazzjoni. Għandna bżonn Ewropa wkoll fejn ikun hemm housing affordabbli għal kulhadd.