"Bżonn ta' ħidma mill-ewwel ġurnata favur Malta"- Cyrus Engerer | One News

Notifiki

“Bżonn ta’ ħidma mill-ewwel ġurnata favur Malta”- Cyrus Engerer

Quddiem il-ġlieda tal-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti fi Brussell, irridu rappreżentanti li mill-ewwel ġurnata ma jitilfux ħin. Li jafu kif taħdem Brussell. Li jafu kif ħadmu n-Nazzjonalisti fil- Parlament Ewropew u li jużaw il-kuntatti li diġa għandna favur Malta.

Qal dan il-kandidat għall-Parlament Ewropew Cyrus Engerer fl-attività taħt it-tinda fil-Mosta.

Fid-diskors tiegħu Engerer tkellem dwar dak li ra fil-Parlament Ewropew fl-aħħar snin, fejn b’dispjaċir, seta jinnota ħidma kontinwa kontra pajjiżna mill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.
Saħaq li din il-moda jidher li ma tantx se tinbidel malajr għaliex Adrian Delia, neħħa kull dubju dwar kif se jkunu qed jaħdmu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif iktar minn darba fil-ġimgħat li għaddew, hu kkonferma li dawn se jkomplu għaddejin bil-ġlieda tagħhom.
Qal li din il-ġlieda tal-Partit Nazzjonalista kontra Malta, hu, flimkien mal-MEPs tal-Partit Laburista, esperjenzaha ta’ kuljum fi Brussell, meta kien qed jaħdem bħala r-rappreżentant tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dwar dak li qal David Casa fl-aħħar ġimgħat, jiġifieri li dan se jagħmel ħiltu kollha biex jara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jieħu l-ebda pożizzjoni Ewropea, Cyrus qal, li hu se jkun qed jagħmel bil-kontra.
“David Casa ftit ilu qalilna, li se jaħdem biex Joseph Muscat ma jieħux pożizzjoni Ewropea. Ma kellniex dubju x’se jagħmel ….
Għaliex Joseph, Malta bżonnok.”

Engerer fakkar ukoll f’dak li għamlet Metsola fl-aħħar ġimgħat, fejn l-ewwel kitbet riżoluzzjoni kontra pajjiżna, biex imbagħad, meta l-Parlament Ewropew xtaq jieħu l-istess riżoluzzjoni bis-serjetà, l-istess Partit Nazzjonalista qal li ma’ xtaqx imexxi biha.

Iżda Engerer qal li l-arma tal-biża’ mhijiex se tbeżżana iżda se timlina b’aktar kuraġġ biex naħdmu favur Malta.
“L-arma tal-biża lilna ma tbeżżanix! Ma bżajtx niqfilkom minn ġewwa il-Partit tagħkom stess. Ma beżżajtunix meta arrestajtu lill-missieri…żgur li qatt m’intom se terġgħu tarawni fi ħdankom.”
Fid-diskors tiegħu, Engerer awgura lill-ommijiet kollha, u fakkar kif għadd kbir ta’ ommijiet ġodda setgħu biss jiċċelebraw dan il-jum grazzi għall-miżuri li daħħal fis-seħħ dan il-moviment.

“Għall-kuntrarju tal-partit negattiv tal-le… aħna se nkunu hemmhekk, ma’ dawn il-ġenituri, il-ħin kollu, f’kull pass tat-triq tagħhom.”

Żied jitkellem fuq il-billboard tal-Partit Nazzjonalista, fejn dawn poġġew tarbija u qalu li huma favur il-ħajja. Engerer qal li dawn qed jipprovaw bħallikieku jbeżżgħu li l-Partit Laburista huwa kontra l-ħajja, iżda li dan mhuwiex minnu, u bil-provi.
Fakkar kif kuntrarju għal dak li xtaq il-moviment laburista, Simon Busuttil kien qal li min ma ħallitux in-natura, m’għandux ikun omm. Kuntrarju ta’ dan, kien il-Gvern Laburista li ta drittijiet sħaħ, u għajnuna mingħajr preċedent, lil kull min xtaq li jkollu t-tfal.
Qal li n-new way ta’ Adrian Delia ma biddlet xejn għaliex l-ewwel mozzjoni tiegħu fil-Parlament, kienet biex iċaħħad lil dawk li xtaqu jagħmlu l-IVF mill-lijv li kien qed jagħtihom il-Gvern.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend